Ħmistax-il pajjiż qed jiffurmaw l-entità ġdida bl-isem Regional Comprehensive Economic Partnership (RCEP) li hi magħmulha minn għaxar Stati mix-Xlokk tal-Asja, flimkien maċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, il-Ġappun, l-Awstralja u New Zealand.
L-entità kummerċjali hi l-akbar waħda fid-dinja u tkopri kważi terz tal-ekonomija globali.
Dan meta l-patt inkwistjoni qed jitqies bħala estensjoni tal-influwenza taċ-Ċina fir-reġjun – bil-ftehim jeskludi lill-Istati Uniti li, fl-2017, kienet irtirat minn patt kummerċjali ieħor għall-pajjiżi tal-Asja u l-Paċifiku.
Il-President Amerikan, Donald Trump, kien ħareġ pajjiżu mit-Trans-Pacific Partnership (TPP) ftit wara li assuma l-poter fl-Istati Uniti. Il-ftehim inkwistjoni kellu jinvolvi tnax-il pajjiż u kien appoġġjat mill-President Amerikan ( ta’ qabel Trump) Barack Obama, bħala ‘strument’ biex jibbilanċja l-poter taċ-Ċina fir-reġjun.
In-negozjati dwar l-RCEP damu għal tmien snin, bil-ftehim ikun iffirmat ilbieraħ wara l-kwinti tas-summit virtwali tal-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi Asjatiċi tax-Xlokk (ASEAN) organizzat mill-Vjetnam.
Il-mexxejja tal-pajjiżi msieħba fir-RCEP qed jittamaw li l-ftehim jgħin lill-Istati biex jirkupraw mill-impatt qalil tal-pandemija tal-Covid-19.
Dan waqt li l-Prim Ministru taċ-Ċina, Li Keqiang, sostna li l-iffirmar tal-ftehim ‘jipprovdi xaqq ta’ dawl ieħor u tama ġdida fost l-inċertezza ġenerata mill-pandemija’.
L-Indja wkoll kienet parti min-negozjati dwar l-RCEP iżda rtirat minnu, is-sena l-oħra, minħabba t-tħassib li t-tariffi aktar baxxi setgħu jolqtu ħażin lill-produtturi lokali. Madankollu, il-bieb għadu mbexxaq għall-Indja biex tissieħeb f’dan il-ftehim fil-futur.
L-RCEP mistenni li jelimina numru ta’ tariffi fuq l-importazzjoni fi żmien 20 sena. Fl-istess ħin, il-patt jinkludi kundizzjonijiet relatati għall-proprjetà intellettwali, it-telekomunikazzjonijiet, is-servizzi finanzjari, l-e-commerce u s-servizzi professjonali.
L-Istati-membri tal-RCEP jikkostitwixxu kważi terz tal-popolazzjoni tad-dinja filwaqt li jagħmlu tajjeb għal madwar 30 fil-mija tal-prodott gross domestiku (GDP) tad-dinja.
//= $special ?>