Għawdex Lokali

Ikompli jiħrax il-ġlied fost tal-Labour f’Għawdex

Għall-Partit Laburista qed joħroġ dejjem aktar ċar kif il-gżira Għawdxija tfisser biss għalqa ta’ battalja bejn l-esponenti tal-Partit. Dan hekk kif Robert Abela u dawk li appoġġjawh fil-ġlieda għal-Leadership qed jagħmlu minn kollox biex iqaċċtu lil dawk li jsibu fin-nofs.

F’Għawdex, il-Ministru Clint Camilleri għaddej bla nifs jara kif jagħmel biex itajjar min-nofs lill-eks Ministru Justyne Caruana … fosthom billi jkeskes lill-Kunsillieri Lokali Laburisti stess bejniethom.

L-aħħar minn sensiela ta’ każi seħħ fl-aħħar jiem fil-Qala, bis-Sindku Paul Buttigieg jakkuża lit-tmexxija Laburista li qed tagħmel minn kollox biex tqaċċtu mill-Kunsill.

Fil-fatt, fuq Facebook, Buttigieg kiteb li l-ġlieda kontrih qed tiħrax sew u issa ma jriduhx iżjed, la Sindku u lanqas Kunsillier. Skontu, bil-manuvri li qed isiru, hemm min irid jeqred raħal sħiħ.

Il-kumment tas-Sindku wasal ftit jiem wara li hu stess ma kienx mistieden għal konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-lokalità. Fil-fatt, fl-aħħar ta’ Ottubru, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kellem lill-ġurnalisti fi Triq il-Wardija, iżda għal din l-attività stieden biss lill-Viċi Sindku Ivan Cefai u lill-Kunsillier l-ieħor tal-Partit Laburista Joseph Buttigieg.

Mossa ċara mill-Ministru għal Għawdex – li għen ħafna lil Robert Abela fil-gżira Għawdxija matul il-ġlieda għal-Leadership – biex itajjar lil kulmin jappoġġja lil Justyne Caruana, bħal fil-każ tas-Sindku tal-Qala.

Kif ikkonferma Paul Buttigieg innifsu fuq Facebook, il-ġlieda fost l-esponenti Laburisti f’Għawdex qed tkompli tiħrax. U bil-barka ta’ Robert Abela nnifsu, dawk li huma qrib tiegħu aktar moħħhom kif se jsaħħu l-pożizzjoni politika tagħhom kontra xulxin milli biex ikunu ta’ servizz għal Għawdex u l-Għawdxin.