Lokali Saħħa

Il-poplu Malti ġeneruż mal-Caritas

Il-Maratona ta’ Mħabba bil-Qalb tiġbor ftit anqas minn €670,000

€668,280 -Kienet din iċ-ċifra sabiħa li rnexxielha tiġbor Caritas Malta fil-maratona ġbir ta’ fondi, bit-tema “Maratona ta’ Mħabba bil-Qalb”, li xxandret matul il-ġurnata tas-Sibt fuq NET Television u fuq stazzjonijiet oħrajn, biex tkun tista’ tiffinanzja l-għajnuna li toffri lill-persuni fil-bżonn bit-tama li joħorġu mill-vizzji qerrieda.

Waqt din il-Maratona pparteċipa wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, flimkien ma’ martu Anne Marie, u waqt intervent li għamel, saħaq dwar l-importanza tal-Caritas fis-soċjetà Maltija għax għenet lil eluf minn ulied il-familji Maltin u Għawdxin jerġgħu jitwieldu mill-ġdid u jingħataw it-tieni ċans f’ħajjithom.

“Kemm huwa importanti li bil-flus tagħkom, bil-ftit, min bil-ħafna, ikun jista’ jgħin ħalli aktar servizzi, mhux biss fil-qasam tad-droga, imma f’ diversi servizzi li toffri l-Caritas, jgħinu lil min jaqa’ jerġa’ jqum. (…) Illejla huwa mod kif ninagħqdu, kif ninħabbu, kif ngħanqu lil xulxin, biex din l-organizazzjoni, il-Caritas, li ilha għexieren ta’ snin, tal-anqas 35 sena tagħmel dan il-volontarjat, inkunu nistgħu nsaħħuha ħalli tkompli tagħmel il-ġid.”

Min-naħa tiegħu, f’kumment lil NET News, id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, esprima l-gratitudni lill-poplu kollu għall-ġenerożità li se tmur għas-servizzi kollha li toffri l-Caritas bla ħlas, kemm fir-rijabilitazzjoni tad-droga fost l-adoloxxenti, in-nisa u l-irġiel, inkluż ħabsin, iżda mhux biss.

01:10 – 01:46 “Bħal meta ngħidu sitwazzjoni diffiċli tal-familja, jekk hemm separazzjoni, jekk hemm telfa, ċertu kundizzjonijiet mediċi bħall-epilepsija, persuni li jiġu fi bżonnijiet materjali għax jintilef ix-xogħol jew jiġri xi ħaġa fid-dħul tant li jispiċċaw dahrhom mal-ħajt, minħabba l-użura per eżempju. Fis-sitwazzjoni tal-COVID-19, Caritas Malta ħadmet ħafna ukoll u saħħaħna n-network mal-Parroċċi biex nippruvaw nassistuhom fil-ħidmiet soċjali tagħhom. (…) Dawn il-fondi ħa jkomplu jissapportjaw din il-firxa ta’ servizzi u aħna qisu għandna dan l-iskop partikolari li nilħqu l-ifqar fost il-fqar.”

Id-Direttur tal-Caritas irringrazzja lid-diriġenti tal-istazzjonijiet kollha talli din il-maratona setgħet tixxandar, kif ukoll lill-volontiera, lill-istaff u lill-crew li ħadmu volontarjament biex jilħqu lill-bniedem fil-bżonn.