Jinsab f’qagħda stabbli għalkemm għadu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva Carlo Vella, iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena li l-Ġimgħa li għadda kien involut fl-inċident traġiku fl-Imġarr.
Carlo kien passiġġier fil-karozza tat-tip Toyota Corolla, li kienet qed tinstaq minn Alan Galea, li sfortunatament tilef ħajtu ftit wara li wasal l-Isptar Mater Dei.
Min-naħa tiegħu, Carlo kien iċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu u ddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
NET News jinsab infurmat li ż-żagħżugħ kien operat immedjatament wara li sofra ksur f’kuxxtejh it-tnejn u anke fil-pexxun.
Wara l-operazzjoni delikata, Carlo baqa’ jinżamm taħt ħarsien kontinwu, bil-kundizzjoni tiegħu hi meqjusa bħala waħda stabbli, għalkemm kritika.
Sadanittant, għadd kbir ta’ qraba u anke ħbieb kitbu messaġġi ta’ awguri għal fejqan ta’ malajr fuq Facebook, filwaqt li appellawlu jżomm sod ħalli kollox jgħaddi b’wiċċ il-ġid.
//= $special ?>