Futbol Sport

Jisfaxxaw għal kollox it-tamiet li l-Ingilterra tispiċċa l-ewwel fil-grupp

(Ritratt: EPA)

L-Ingilterra sfat megħluba 2-0 mill-Belġu u b’hekk tilfet iċ-ċans li ttemm l-ewwel fil-grupp u li tikkwalifka għal mal-aħħar erba’ timijiet f’turnament li se jsir fis-sajf li ġej biex jiġi deċiż minn se jirbaħ din l-edizzjoni tal-UEFA Nations League.
Il-Belġju fetħu l-iskor wara għaxar minuti meta x-xutt ta’ YOURI TIELEMANS kien devjat għal wara Pickford. DRIES MERTENS irdoppja fl-24 minuta bi ġmiel ta’ freekick li ħasad għal kollox lil Pickford. It-tim Ingliż naqas milli jwettaq reazzjoni fit-tieni taqsima u ftit li xejn impenja lill-gowlkiper Belġjan.


L-Italja kisbet rebħa importanti ta’ 2-0 fuq il-Polonja u issa tinsab favorita li tirbaħ il-grupp u li tikkwalifika mal-aħħar erba’ timijiet. L-Italja fetħet l-iskor wara 27 minuta meta Krychowiak ġibed lil Andrea Belotti fil-kaxxa bir-referee jordna penalty. JORGINHO minn ħdax –il metru ma żbaljax. Fis-77 minuta l-Polonja spiċċaw jilgħabu b’għaxar plejers meta Jacek Goralski ntwera’ t-tieni karta safra. DOMENICO BERARDI rdoppja fit-83 minuta b’azzjoni personali biex aċċerta mit-tliet punti.


F’ Diviżjoni A Grupp 1, l-Olanda kisbet rebħa ta’ 3-1 fuq il-Bosnija. GEORGINIO WIJNALDUM fetaħ l-iskor wara sitt minuti b’konklużjoni mill-viċin fuq cross ta’ Denzel Dumfries. L-istess WIJNALDUM irdoppja biss tmien minuti wara f’azzjoni simili għall-ewwel gowl. L-Olandiżi komplew fuq l-ewwel taqsima u fil-55 minuta skorjaw it-tielet gowl meta għal darb’oħra kien Dumfries li sab lil MEMPHIS DEPAY li mill-viċin għamilhom 3-0. Il-Bosnija skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fit-63 minuta permezz ta’ SMAIL PERVLJAK.


Wara l-kwalifikazzjoni li kisbet nhar l-Erbgħa għall-Kampjonati Ewropej tas-sajf li ġej, l-Iskozja sfat megħluba 1-0 mit-tim Slovakk.
Il-kowċ Steve Clarke għażel li jwettaq għadd ta’ tibdiliet mit-tim li għeleb lis-Serbja bil-penalties fil-play-off ta’ nofs il-ġimgħa. Il-gowl deċiżiv wasal fit-32 minuta meta minn pass tajjeb ta’ Peter Pekarik, kien JAN GREGUS li ra x-xutt tiegħu jkun devjat għal wara Gordon.


Wales kisbu rebħa ta’ 1-0 fuq l-Irlanda. Il-gowl li ta t-tliet punti lil Wales wasal fis-67 minuta permezz ta’ DAVID BROOKS li kkonkluda b’daqqa ta’ ras tajba l-cross ta’ Gareth Bale.
Fil-ħin addizzjonali tat-tieni taqsima Jeff Hendrick, tkeċċa għall-Irlanda hekk kif waqqaf lil Tyler Roberts b’fawl tattiku hekk kif kien l-aħħar raġel fid-difiża.

UEFA NATIONS LEAGUE
Illejla: Olanda v Bosnija 3-1, Italja v Polonja 2-0, Belġju v Ingilterra 2-0, Danimarka v Iżlanda 2-1, Awstrija v Irlanda ta’ Fuq 2-1, Rumanija Norveġja posp., Slovakkja v Skozja 1-0, Repubblika Ċeka v Iżrael 1-0, Turkija v Russja 3-2, Ungerija v Serbja 1-1, Bulgarija v Fillandja 1-2, Wales v Irlanda 1-0, Maċedonja v Estonja 2-1, Ġorġja v Armenja 1-2, Moldova v Greċja 0-2, Slovenja v Kosovo 2-1, Albanija v Kazakhstan 3-1, Belarus v Lithuania 2-0