Lokali

Kommessi li l-ħaddiema jingħataw tassew dak li jixraqilhom – Bernard Grech

“Wasal iż-żmien li l-politiku jifhem li dak kollu li jgħid jista’ jaffettwa ħażin il-ħajja tal-poplu – pajjiżna jixraqlu politika responsabbli u onesta, waħda li ma tidħaqx bin-nies. Għandna obbligu li ngħidu l-verita kollha liċ-ċittadini.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività politika fi Pjazza Pietru Pawl Saydon fiż-Żurrieq  – attività li matulha ġew osservati l-miżuri ta’ mitigazzjoni kif stipulati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Bernard Grech saħaq li r-realtà preżenti tal-Covid-19 f’pajjiżna setgħet kienet differenti li kieku l-Prim Ministru Robert Abela mexa b’mod aktar għaqli. Minflok, huwa ta x’jifhem lill-poplu li rbaħna lill-pandemija u li kollox kien warajna, aġir deskritt mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista bħala wirja ta’ immaturità

Bernard Grech sellem il-memorja tal-ex Sindku ta’ Ħal Qormi Renald Falzon, l-iżgħar vittma tal-Covid-19 f’pajjiżna filwaqt li qal li jekk il-każi jibqgħu jiżdiedu u l-Gvern jibqa’ ma jismax mill-esperti mediċi u l-korpi kostitwiti, is-sistema tas-saħħa ser tikkollassa  kawża tal-irresponsabbilità politika. Dan filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li f’dan il-waqt hemm bżonn li ma ninsewx lill-anzjani tagħna li ilhom maqtugħin mill-għeżiez tagħhom xhur u insista li ħadd m’għandu jmut qabel żmienu u li l-ebda persuna m’għandha tingħata l-ġenb.

Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista jinsab kommess li tassew jagħti lill-ħaddiem dak kollu li jixraqlu, b’ekonomija li verament jikber magħha kulħadd. Huwa ser ikun l-ewwel kap Nazzjonalista li ser ikun qed jikkontesta fil-5 distrett b’wirja li verament il-Partit għandu fiduċja fin-nofsinhar ta’ Malta u jemmen bi sħiħ li flimkien nistgħu nsaħħu u nibnu mill-ġdid lil pajjiżna.

Dan filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lil Robert Abela sabiex jekk verament huwa kburi b’pajjiżu – jifraħ lil Roberta Metsola fil-ħatra tagħha bħala l-ewwel Maltija f’kariga ta’ Viċi President tal-Parlament Ewropew. Dan filwaqt li sejjaħ lill-Gvern sabiex b’mod sħiħ flimkien mal-Oppożizzjoni jaħdmu id f’id biex titressaq ‘il quddiem il-liġi tal-gender mechanism fil-Parlament Malti.

Bernard Grech insista li pajjiżna għandu bżonn Gvern Alternattiv – bżonn li l-politiċi jgħarfu l-ħtieġa taż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum.

Għaldaqstant sejjaħ liż-żgħażagħ sabiex ikomplu jersqu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista bil-għan li Malta u Għawdex u l-valuri li jsawruhom ikomplu jiġġeddu u jissaħħu l-għaliex pajjiżna qed isejħilna.