Formula 1 Sport

Lewis Hamilton jirbaħ is-seba’ titlu tal-Formula 1

(Ritratt: EPA)

Lewis Hamilton rebaħ is-seba’ titlu dinji tal-Formula 1 u sar l-aktar sewwieq ta’ suċċess fl-istorja tal-Formula 1 wara li rebaħ il-Grand Prix tat-Turkija.

Hamilton rebaħ id-94 tellieqa tal-karriera tiegħu meta f’Grand Prix iddominat mix-xita rnexxielu jegħleb l-isfida ta’ Lance Stroll li beda fuq quddiem nett wara li rebaħ il-Pole Position.

Ma’ Hamilton fuq il-podju kien hemm Sergio Perez ta’ Racing Point u s-sewwieq ta’ Ferrari Sebastian Vettel. Charles Leclerc ta’ Ferrari wkoll temm fir-raba’ post u kien segwit minn Carlos Sainz.

Max Verstappen ta’ Red Bull u Alexander Albon ta’ Thai Racing temmew fis-sitt u fis-seba’ post rispettivmanet, b’Lando Norris u Lance Stroll itemmu fit-tmien u fid-disa’ post. Daniel Ricciardo temm fl-għaxar post. Dan kien l-aħħar Grand Prix li se jsir fl-Ewropa dan l-istaġun hekk kif l-aħħar tliet Grand Prix kollha se jsiru fil-Lvant Nofsani.

FORMULA 1

Kif temmew: 1 L. Hamilton 1:42:19.313, 2 S. Perez +31.633, 3 S. Vettel +31.960, 4 C. Leclerc +33.858, 5 C. Sainz +34.363, 6 M. Verstappen +44.873, 7 A. Albon +46.484, 8 L. Norris +1:01.259, 9 L. Stroll +1:12.353, 10 D. Ricciardo +1:35.460, 11 E. Ocon +dawra, 12 D. Kvyat +dawra, 13 P. Gasly +dawra, 14 V. Bottas +dawra, 15 K. Raikkonen +dawra, 16 G. Russell +dawra, Ma temmewx: K. Magnussen, R. Grosjean, N. Latifi, A. Giovinazzi