Futbol Sport

Marsaxlokk fit-tielet post u rebħa oħra konvinċenti għal Marsa

Chris Cassar

QRENDI ………………….. 0
MARSAXLOKK ………….. 3


Qrendi: D. Zarb, L. Martinelli, S. Schembri, G. Muscat, B. Sammut, D. Bueno, E. Vella, D. Azzopardi, L. Schembri, M. Gatt, C. Camilleri
Marsaxlokk: F. Tabone, C. Degabriele, G. Barone, N. Ghio, D. Cartella, P. Doffo, I. Paz, D. Sammut, C. Brincat, P. Xuereb, R. Fenech.

Referee: Alex Johnson


Marsaxlokk telgħu fit-tielet post tal-klassifika meta għelbu lil Qrendi f’konfront bejn żewġ timijiet fin-naħa ta’ fuq fil-klassifika. Marsaxlokk jinsabu issa erba’ punti wara l-leaders San Gwann iżda għandhom żewġ logħbiet inqas, u potenzjalment jistgħu ikunu fil-quċċata jekk jirbħu l-logħbiet li għandhom nieqsa.

Ir-rebħa kienet waħda meritata fejn it-tim immexxi minn Edgar Degabriele kellu ħafna iktar mil-logħob u kien għal ħinijiet twal fuq l-attakk.
Marsaxlokk kellhom supremazija territorjali fl-ewwel taqsima, taqsima li kien fiha ftit azzjonijie ta’ skor, għajr għal daqqa ta’ ras ta’ Barone li għaddiet ftit għoli. Fit-32 minuta Marsaxlokk fetħu l-iskor bi freekick pinġut ta’ Pablo Doffo bil-ballun jispiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.
Erba’ minuti wara Marsaxlokk viċin it-tieni gowl meta Paz rebaħ ballun tajjeb barra l-kaxxa u fajjar xutt li ħabat mal-mimduda.

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Marsaxlokk irduppjaw meta Dennis Cartella rnexxielhu jisraq ballun lill-goalkeeper Zarb u minn qagħda angolata xeħet fix-xibka. Fis-66 minuta opportunita’ oħra għal Marsaxlokk bid-daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Peter Xuereb salvata b’diffikulta minn Zarb.
Fid-69 minuta iktar problemi għal Qrendi hekk kif Steve Schembri kien muri t-tieni karta safra. Żewġ minuti mit-tmiem azzjoni ta’ Barone li mpenja lil Zarb u mir-rebound kien Peter Xuereb li kompla għal ġewwa.


MARSA ……………………. 5
QORMI…………………….. 0


Marsa
: N. Vella, P. Chircop, J. Bondin, A. Monticelli, M. Micallef, J. Lima, D. Grima, P. Teixeira, F. Gusman, G. Mckay, L. Micallef.
Qormi: J. Vella, O. Sidibe, C. Farrugia, D. Perassolli, L. Mallia, A. Bonnic, I. Micallef, J. Mizzi, N. Gauci, I. Zammit, L. Azzopardi.
Referee: Daniel Portelli


It-tim ta’ Marsa issa jidher li qed jingrana sewwa hekk kif kiseb it-tieni rebħa konsekuttiva, rebħa ferm konvinċenti kontra Qormi li qatt ma kienu fil-logħba. Kif jindika l-iskor Marsa kienu għal kollox superjuri, bil-Qriema ma jkollhom l-ebda risposta wara li għall-ewwel 30 minuta kkontrollaw tajjeb il-pressjoni sterili tal-avversarji.


L-ewwel taqsima kienet għal kollox dominata minn Marsa anki jekk fl-ewwel nofs siegħa tal-logħba l-goalkeeper ta’ Qormi ftit li xejn kien impenjat. Għal kuntrarju kienu Qormi li kellhom l-ewwel periklu fid-29 minuta meta Perassolli minn qagħda angolata mpenja lil Vella li dawwar għal korner.


Minuta wara Marsa fetħu l-iskor bi ġmiel ta’ gowl skorjat minn Dylan Grima li b’xutt mid-distanza poġġa l-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. Ftit wara azzjoni tajba ta’ Mano Micallef li qabeż diversi plejers iżda x-xutt finali tiegħu kien wisq ċentrali.
Fis-37 minuta Marsa għamluhom tnejn b’azzjoni tajba ta’ Lyden Micallef li b’xutt fil-baxx għeleb lil Vella.

Fit-tieni taqsima Marsa komplew jattakkaw u fis-57 minuta l-iskor sar 3-0 b’rovexxata spettakolari ta’ Lyden Micallef fuq kross mil-lemin ta’ Teixeira. Marsa komplew jinsistu fl-attakk u r-raba’ gowl ma kienx sorpriża. Dan wasal fit-72 minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Francesco Gusman fuq kross tas-sostitut Leighton Grech.
Tmien minuti mit-tmiem l-iskor kompla jikber meta Godwin Mckay għeleb in-nasba tal-offside avanza u fajjar xutt sabiħ li ħabat mal-mimduda u spiċċa fix-xibka.