Coronavirus Lokali

Qariba tgħid li għall-Gvern “il-vittmi huma biss numri”

Issa inutli tibgħatilna l-kondoljanzi … tkarrabna għall-għajnuna biex missieri jmut b’dinjità, imma għall-awtoritajiet dawn huma biss numri.

Hekk kitbet fuq Facebook Corinne Camilleri, bint wieħed mill-vittmi tal-Coronavirus f’pajjiżna. U ma’ NET News, hi spjegat l-uġigħ li għaddew minnu hi u l-familja tagħha, hekk kif kemm hi, kif ukoll ommha nstabu pożittivi mal-missier, filwaqt li ħutha oħrajn baqgħu fi kwarantina.

Corinne spjegat li, wara li rriżulta pożittiv, missierha – Charles Camilleri ta’ 82 sena – ittieħed l-Isptar Mater Dei, iżda minn hemm ma kien ikollhom l-ebda aġġornament ħlief li kien stabbli.

Fil-fatt, wara ftit jiem qalulhom li saħħtu sejra għall-aħjar u jista’ jintbagħat id-dar, iżda hi oġġezzjonat għax ħasset li kellu bżonn aktar osservazzjoni. Kien għalhekk li hu ġie trasferit lejn l-Isptar St Thomas.

Corinne kompliet tispjega li saħħet missierha qalbet għall-agħar f’salt u għalhekk, kellu jerġa’ jittieħed b’mod urġenti l-Isptar Mater Dei. Madankollu, hu qatt ma ddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, aktarx għax din it-Taqsima kienet mimlija daqs bajda.

F’dan l-istadju, spjegat li ppruvaw jagħmlu kuntatt mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, iżda qalilhom biss li “għadna ma nafux biżżejjed dwar il-virus”. Umbagħad, ladarba missierha miet, Fearne bagħtilha messaġġ bil-kondoljanzi, iżda hi tenniet li f’dan l-istadju, il-kondoljanzi m’huma se jsolvu xejn.

Ma’ NET News, Corinne esprimiet l-uġigħ tagħha u tal-qraba tagħha għall-mod kif ġew stmati. Dan meta hi tħalliet toħroġ minn darha biex tieħu lil uliedha għall-iswab test, minkejja li hi kienet diġà rriżultat pożittiv, iżda ma ħallewhiex tagħmel kuntatt ma’ missierha fl-aħħar ħinijiet ta’ ħajtu.