Lokali

Raġel qed jissielet għal ħajtu wara li ttajjar minn trakk

Raġel Indjan ta’ 31 sena residenti l-Iklin qed jissielet għal ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku. L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-6.15p.m. fi Triq Dun Karm f’Birkirkara, magħrufa aħjar bħala l-bypass ta’ Birkirkara.

Skont l-ewwel stħarriġ jirriżulta li r-raġel intlaqat fl-imsemmija triq minn trakk tat-tip DAF li kien misjuq minn raġel Filippin ta’ 43 sena.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku marru fuq il-post biex jassistu l-vittma. Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn iktar tard kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli fetħet inkjesta. Il-Pulizija qed tkompli tinvestiga l-inċident.