“Qed ngħabbikom b’din ir-responsabbiltà. Kull wieħed u waħda minna jrid jiffaċilita l-ħidma tat-tobba u l-infermiera fl-ITU bl-azzjonijiet tiegħu.”
Kien b’dan il-mod li bih il-Prim Ministru, Robert Abela, farfar ir-responsabbiltà tal-krizi li hemm fl-ITU, f’bosta swali fl-Isptar Mater Dei u lil hinn, hekk kif b’kollox hemm aktar minn 200 pazjent bil-COVID-19 rikoverati fl-isptarijiet.
Dan meta sa ftit ġimgħat ilu, Robert Abela, kien qed jgħid li l-pandemija hija taħt kontroll, tant li l-mewġ jinsab fil-baħar.
Wara li ċ-ċifra tal-vittmi bil-COVID-19 issa hija ta’ madwar 100, il-Prim Ministru fix-Xatt tal-Isla, fejn hemmhekk niżżel lill-partitarji Laburisti għall-attività politika tal-Ħadd filgħodu, qal lill-poplu Malti jkun solidali mal-anzjani u l-vulnerabbli. Dan mingħajr ma qal jekk huwiex se jġiegħel lis-Segretarju Parlamentari, Silvio Parnis, jerfa’ r-responsabbiltà politika tal-ħerba li għamel il-virus fost l-anzjani, partikolarment fid-djar residenzjali.
Iżda b’medja ta’ 3 imwiet kuljum u b’aktar minn 900 każ f’ġimgħa waħda biss, il-Prim Ministru huwa kburi b’dan is-suċċess kbir.
“Poplu li wera li kien kapaċi jaffronta l-aktar mument diffiċli fl-istorja ta’ pajjiżna b’suċċess kbir.”
U mad-dati differenti li ilu jħabbar dwar meta se jasal il-vaċċin tal-Coronavirus f’pajjiżna, Robert Abela l-Ħadd filgħodu żied data oħra:
“Id-data li fiha l-vaċċin mistenni li jkunu magħna qegħda dejjem toqrob. (…) Kuraġġ. Tama. Dal-ftit ġimgħat li fadal jgħaddu.”
Ma naqasx ukoll li jkompli jagħti l-kuraġġ.
“Għalhekk nagħmlilkom il-qalb. Il-qalb, it-tama u l-kuraġġ.”
Iżda fl-ebda ħin ma lissen soluzzjoni waħda għal kif se jrażżan l-isplużjoni dejjem tikber fil-każi ġodda, hekk kif il-każi attivi tal-Coronavirus issa jlaħħqu ftit anqas minn 2,200.
U fl-ewwel opportunità li kellu mis-suċċess li kellu pajjiżna bl-elezzjoni ta’ Roberta Metsola, il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma awgurax lill-Viċi President il-ġdida tal-Parlament Ewropew u minflok, mingħajr ma semma isimha, kompla jinfexx jattakka ħidmietha fl-istess Parlament u ħidmet esponenti oħra tal-Oppożizzjoni.
Intant fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li f’nofs kriżi pandemika, Abela huwa maqtugħ mir-realtà għaliex reġa’ naqas milli jagħti wens lil min tilef lill-għeżież tiegħu jew iħabbar xi strateġija biex jilqa’ għall-kriżi bil-każi ġodda tal-COVID-19.
Robert Abela llum naqas ukoll milli jitkellem fuq ħbiberija intima bejn il-predeċessur tiegħu u Yorgen Fenech għaliex jibqa’ skomdu jikkritika lil Joseph Muscat wara li tah għexieren ta’ eluf f’konsulenzi u karigi oħra, temmet tgħid l-istqarrija tal-PN.
//= $special ?>