Internazzjonali

Stati Uniti: Partitarji ta’ Trump jieħdu sehem f’dimostrazzjonijiet f’Washington fost inċidenti vjolenti

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump għadu ma ammettiex it-telfa fl-elezzjoni għall-Presidenza ta’ pajjiżu minkejja li jinsab taħt pressjoni kbira biex jiddikjara r-realtà tas-sitwazzjoni u jippermetti għal tranżizzjoni lejn it-tmexxija ġdida, bil-President-elett Joe Biden bħala protagonista.

Sadanittant, mill-anqas 20 persuna kienu arrestati matul sensiela ta’ protesti ġodda  f’Washington – fejn, f’inċident partikulari, numru ta’ nies spiċċaw jiġġieldu bis-skieken.

Fil-protesti ħadu sehem eluf ta’ persuni, meta l-partitarji ta’ Donald Trump qed jappoġġjaw ‘akkost ta’ kollox’ l-akkużi mhumiex sostanzjati ta’ Trump li l-proċess elettorali ta’ dan ix-xahar kien suġġett għall-‘frodi u l-manipulazzjoni’. Intant, gruppi minn dawn il-partitarji kkonfrontaw lin-nies li ma jridux li Trump jibqa’ jokkupa l-White House fost sensiela ta’ inċidenti koroh.

Matul il-protesti, tal-anqas żewġ uffiċjali tal-Pulizija spiċċaw feruti, minbarra  nies oħra. Dan waqt li l-uffiċjali tas-sigurtà ppruvaw jagħlqu l-aċċess għal sezzjonijiet kbar ta’ Washington, fejn il-ħwienet ilhom magħluqin sa minn jum l-elezzjoni presidenzjali.

Il-partitarji li qed jinsistu biex Donald Trump jibqa’ fil-poter jinkludu membri ta’ gruppi estremisti tal-lemin li fl-aħħar sigħat dehru lebsin l-elmi u ġgieget bullet-proof waqt id-dimostrazzjonijiet.

Il-partitarji radikali favur Trump huma determinati li ma jarawx lil Joe Biden – il-kandidat tal-Partit Demokratiku – jassumi uffiċjalment il-Presidenza u minkejja l-indikazzjonijiet ċari li hu rebaħ l-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru.

Joe Biden, fi tmiem il-ġimgħa, enfasizza s-suċċess elettorali proġettat b’rebħa fl-Istat ta’ Georgia fejn sar l-ewwel kandidat Demokratiku li rebaħ il-vot Presidenzjali f’dan l-Istat mill-1992. B’dan is-suċċess, Biden kiseb total ta’ 306 voti mill-Kulleġġ Elettorali (is-sistema li biha jintgħażel il-President tal-Istati Uniti) fejn qabeż sew it-threshold stabbilit ta’ 270.