Lokali

Tnejn arrestati f’raids tad-droga

Raġel mis-Serbja u żagħżugħ minn Ħal Qormi kienu arrestati f’żewġ raids tad-droga separati wara ħidma mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ kontra d-Droga.

Fl-ewwel każ is-Serb ta’ 31 sena kien arresat wara li l-pulizija daħlu fir-residenza tiegħu f’Tas-Sliema fejn sabu mal-1.7 Kg ħaxixa tal-kannabis, ammont ta’ droga kokaina kif ukoll MDMA – biċ-ċirkustanzi juru li d-droga ma kienetx għall-użu personali tiegħu. Apparti dan kollu, instab ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti, flimkien ma tagħmir li jintuża għat-traffikar ta’ sustanzi illeċiti.

Fit-tieni każ, żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Furjana kien arrestat wara li twaqqaf bil-karozza mill-Pulizija f’Ħal Qormi fejn fil-pussess tiegħu instabu xejn inqas minn 59 pakketti żgħar b’sustanza allegatament kokaina u ħaxixa tal-kannabis, flimkien ma ammont ta’ flus kontanti.

Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għaddejjin, dwar dawn il-każijiet infetħet inkjesta Maġisterjali li qed tmexxi l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli.

Iż-żewġ suspettati mistennija jitressaqu l-Qorti tul il-jum tat-Tnejn, 15 ta’ Novembru.