Lokali Qorti

14-il xahar ħabs talli tterrorizza lill-eks tfajla tiegħu fil-preżenza ta’ binha

Libjan b’akkużi preċedenti fuq qtil u attentat ta’ stupru u li kellu l-libertà proviżorja revokata fuq inċident separat ġie kundannat 14-il xahar ħabs wara li kisser il-bieb tal-appartament tat-tfajla tiegħu u spiċċa itterrorizzaha fil-preżenza ta’ binha ta’ ħames snin.

Ahmed Rasem A. Franko li huwa magħruf ukoll bħala Ahmed Franka ta’ 35 sena kien kisser il-bieb tal-appartament tat-tfajla tiegħu f’Marsaxlokk wara li kien qed jissuspetta li ma kinitx qed tkun fidila lejh.

Huwa kien qed jiġi akkużat li kkawża lit-tfajla tiegħu biża’ mill-vjolenza u ħsara lill-propjetà tagħha, li kkaġuna ħsara kriminali, li kiser il-paċi pubblika, li sar reċidiv u li kiser ukoll il-libertà proviżorja.

Franko, li kien qal fil-Qorti li kien jaħdem bħala persuna li tgħin lil kok fil- kċina, u dan fiż-żmien li kien joqgħod Marsaxlokk mal-vittma. Fil-Qorti, il-vittma kienet qalet li kienet ħafret lill-akkużat, imma riedet li jiġi pprojbit milli jersaq lejha.

Hija rrifjutat li tixhed kontrih, u għalhekk wasslet biex il-Prosekuzzjoni ma tkunx tista’ tipprova l-andament meħtieġ għall-akkuża dwar il-kawża tal-biża’ ta’ vjolenza.

Franko kien ingħata l-libertà proviżorja f’Mejju 2018 wara li ġie akkużat bil-qtil ta’ raġel Kolombjan f’Paceville fl-2016. Waqt li kien fuq pleġġ għal dak ir-reat, ir-raġel spiċċa l-ħabs fl-2017 fuq attentat ta’ stupru ta’ tfajla Svediża f’Paceville li kien seħħ fl-2015.

F’sentenza mogħtija mill-Maġistrat Gabriella Vella hija sabet lil-Libjan ħati ta’ ħsara kriminali, li kiser il-paċi pubblika, li sar reċediv u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja tiegħu u kkundannatu priġunerija għall-perjodu ta’ 14-il xahar. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ sena favur il-vittma.

L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri kienu avukati difensuri tal-akkużati. Is-Supretendent Trevor Micallef mexxa l-Prosekuzzjoni.