Internazzjonali

Brexit: Ir-Renju Unit fiduċjuż fil-futur ‘anki mingħajr ftehim kummerċjali mal-UE’

Il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson tenna mill-ġdid li jinsab fiduċjuż li ‘ir-Renju Unit se jgawdi prosperità sinifikanti’ barra l-Unjoni Ewropea anki f’każ li ma jikkonkludix ftehim kummerċjali mal-Unjoni għal wara Brexit.

It-taħditiet bdew mill-ġdid fi Brussell, b’Lord David Frost, in-negozjatur ewlieni Britanniku, jgħid li d-djalogu lejn ftehim mal-Unjoni qed jidher, issa, li qabad ‘direzzjoni pożittiva.’ Madankollu Frost għamilha ċara li għad jonqos għal qbil bejn in-naħat dwar diversi elementi importanti.

Min-naħa tiegħu, Michel Barnier, li qed imexxi n-negozjati għan-nom tal-UE qal li jrid li ‘il-kooperazzjoni futura mar-Renju Unit tkun miftuħa u fl-istess ħin xierqa’ – u meta l-Unjoni tinsab ‘determinata li tasal għal ftehim’.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku qal li t-taħditiet ta’ din il-ġimgħa se jkunu ‘kruċjali’ u li Boris Johnson saħaq ‘li pajjiżu mhux se jaċċetta l-proposti ( fin-negozjati) li jnaqqsu mill-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż sovran u indipendenti.’

Id-differenzi mal-UE jibbażaw fuq regoli tal-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-Istat lill-intrapriżi kummerċjali u d-drittijiet tas-sajd.

Ir-Renju Unit ħareġ mill-UE fil-31 ta’ Dċembru iżda għadu jsegwi r-regoli tal-Unjoni ( fost in-negozjati attwali) sal-aħħar tas-sena. Intant, iż-żmien għal ftehim kummerċjali qed jagħfas, meta kwalunkwe patt bejn Londra u Brussell ikun irid jiġi rataifikat mill-Parlament Britanniku u l-Parlament Ewropew.