Internazzjonali

Covid-19: Il-provi għal vaċċin qed ikomplu anki fir-Renju Unit

Fir-Renju Unit beda proċess ieħor sinifikanti ta’ provi għal vaċċin ieħor li possibbilment jista’ jintuża kontra l-Covid-19. 

Dan hu t-tielet vaċċin li qed ikun ittestjat fil-pajjiz  — bit-tilqima tkun żviluppata mill-kumpanija Belġjana Janssen, permezz ta’ proċess li jibbaża fuq il-modifikazzjoni  ġenetika ta’ virus tar-riħ komuni, bil-għan li jsaħħaħ ir-reżistenza tal-ġisem.

Filwaqt li dan hu proċess importanti, x’aktarx li se jinħtieġu aktar minn vaccin wiehed biex titrażżan il-pandemija. Dan meta l-Kummissjoni Ewropea qed tittama li tkun tista’ tqassam it-tilqima ‘b’regolarità aċċettabbli’ madwar il-kontinent mill-bidu tas-sajf.

Ix-xjenzati u l-esperti mediċi qed ifakkru fl-importanza li d-dinja tax-xjenza timpenja ruħa għal vaċċini differenti mill-manifatturi speċifiċi. Dan għaliex fiċ-ċirkustanzi, ħadd ma jista’ ikun ċert mija-fil-mija mill-effiċjenza u s-sigurtà ta’ vaċċin wieħed biss fil-ġlieda għall-kontroll tal-pandemija qattiela.

Sadanittant, l-Istati Uniti għadha tirrapporta ċ-ċifri inkwetanti relatati mal-coronavirus,  meta Michigan u Washington huma l-aħħar Stati Amerikani li qed idaħħlu l-miżuri stretti bil-għan li jrażżnu l-firxa tal-Covid-19.

L-iskejjel għolja u l-kulleġġi għandhom jieqfu mil-lezzjonijiet ‘fuq il-post’ waqt li f’Michigan, ir-ristoranti mhumiex jippermettu li n-nies jieklu ġewwa l-istabbilimenti. Il-belt ta’ Washington ukoll qed tipprojbixxi l-indoor restaurant dining, fost l-għeluq tal-gyms, il-mużewijiet u s-swali taċ-ċinema.

Illum fl-Istati Uniti, l-infezzjonijiet bil-Covid-19 qabżu l-11-il miljun, fost ir-rekords ġodda ta’ pazjenti morda bil-virus li qed jiddaħħlu l-isptar.

Fl-Awstralja, l-Istat ta’ South Australia irrapporta ‘sitwazzjoni perikluża’ fost il-konferma ta’ 18-il każi ġodda tal-coronavirus.

Il-każi jirriflettu l-ewwel infezzjonijiet fl-Istat minn April, meta l-infezzjonijiet bil-Covid-19 fl-Awstralja kienu prattikament niżlu għal kważi żero wara li l-pajjiż irnexxielu jikkontrolla tieni mewġa tal-virus li konċentrat l-aktar fl-Istat ta’ Victoria.