Lokali

Drive-Thru uniku għal żmien il-Milied

Waslu fl-aqwa tagħhom il-preparamenti sabiex fl-4 ta’ Diċembru li ġej jiftaħ Drive-Thru uniku f’pajjiżna għal żmien il-Milied: bit-tema, The Magical Illuminated Trail.

Din l-attivita mistennija tkun wahda unika għal żmien il-festi, bid-dħul minnha se jmur għall-Community Chest Fund.

Dak li qed jissejjaħ Magical Trail se jsir f’Gianpula Fields, u wieħed se jkun jista’ jgawdi attrazzjonijiet għall-familja kollha mill-kumdita tal-karozza – kollox b’rispett sħiħ lejn il-miżuri imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa. Fil-fatt, kulħadd se jkun jista’ jesperjenza din id-Drive-Thru mingħajr il-bżonn li jinżel mill-vettura tiegħu, għaliex l-istrutturi li se jkun hemm fil-post se jkunu viċin ferm biex joffru opportunità unika f’dan il-villaġġ bi strutturi mill-isbaħ.

Din l-attivita’ se tkun qed tittella’ f’pajjiżna għall-ewwel darba.

Iż-żona kollha se tiġi mibdula f’park uniku fejn se jkun hemm xi ħaża għall-gosti ta’ kulħadd – minn tfal sa adulti. Ma jonqsux ukoll dwal, mużika u atmosfera mill-aqwa għal żmien il-festi. Din id-Drive Thru se tibqa’ miftuħa sal-10 ta’ Jannar.