Erba’ persuni bdew għaddejjin ġuri b’konnessjoni ma’ kumplott kontra l-ħajja ta’ ċittadini Amerikani u li kien wassal għal attentat speċifiku fuq ferrovija ta’ veloċità speċjali – tal-kumpanija Thalys — li dak il-ħin kienet għaddejja minn Franza.
Il-każ imur lura għal Awwissu tal-2015 u meta raġel Marokkin — li ġġieled għall-kawża terroristika tal-ISIS fis-Sirja – qed ikun akkużat b’li spara arma tan-nar fuq il-ferrovija li kienet qed tivvjaġġa bejn Amsterdam (fl-Olanda) u Pariġi.
L-inċident, li fih indarbu żewġ persuni, kien seħħ ftit xhur qabel l-attakki storiċi (fl-istess sena) mit-terroristi Iżlamiċi fil-qalba ta’ Pariġi u fejn ir-raġel – Ayoub El-Khazzani – kien spiċċa mrażżan mill-passiġġieri fuq il-ferrovija.
L-inċident fuq il-ferrovija serva bħala l-ispirazzjoni għall-film ‘The 15:17 to Paris’ tad-direttur ċelebri Clint Eastwood.
Tliet persuni oħra huma suspettati li għenu lil El-Khazzani biex jippjana l-attakk iżda huma qed jiffaċċjaw pieni anqas ħorox minnu. Ir-reati mressqa fil-konfront tagħhom jirrigwardaw sehem fi pjan terroristiku u kompliċità f’attentat ta’ qtil.
Ayoub El-Khazzani jista’ jeħel ħabs għal għomru jekk jinstab ħati dwar attentat ta’ qtil bħala parti minn ‘intrapriża terroristika’ u kumplott għal reat terroristiku. Issejħu l-għexieren tan-nies bħala xhieda waqt il-proċess u hemm indikazzjonijiet li anki Clint Eastwood qed jissejjaħ bħala ‘expert witness’ — bil-materjal meħud mill-film tiegħu kapaċi jintwera waqt il-proċeduri tal-qorti.
El-Khazzani qal, waqt smigħ inizjali, li l-organizzatur tal-attakk, bl-isem ta’ Abdelhamid Abaaoud, kien infurmah ‘biex jattakka speċifikament lill-Amerikani fuq il-ferrovija’.
Intant, il-Marokkin – wara li tfassal il-pjan – kien mar fi stazzjon ta’ Brussell, fil-Belġju, fejn tela’ fuq ferrovija armat b’azzarin Kalashnikov, ammont kbir ta’ munizzjon, pistola u landa mimlija bil-petrol.
Il-prosekuturi qed jgħidu li El-Khazzani, imbagħad, beda l-attakk bil-ħsieb li jħalli numru kbir ta’ vittmi, iżda spiċċa miżmum u mrażżan minn erba’ passiġġieri, fosthom żewġ membri ‘off-duty’ tas-servizzi militari tal-Istati Uniti. Is-sitwazzjoni inġiebet taħt kontroll wara li l-ferrovija laħqet għaddiet mill-belt Franċiża ta’ Oignies.
Il-proċess tal-qorti mistenni jikkonkludi fit-18 ta’ Diċembru.
//= $special ?>