Lokali

“Għadu jara l-pajjiż bil-lenti ta’ aħmar jew blu” – Roberta Metsola

"M'aħniex żgħar daqs kemm jaħseb il-Prim Ministru tagħna - m'hemm l-ebda limitu għall-potenzjal tiegħek. " - Roberta Metsola

Hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela, meta mistqosi minn Net News, naqas milli jawgura lil Roberta Metsola għall-ħatra tagħha fit-tieni l-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew – l-MEP tal-Partit Nazzjonalista wieġbet lill-Prim Ministru għall-kummenti partiġġjani tiegħu.

F’kumment lil Net News, Roberta Metsola qalet: “Biex inkun assolutament ċara, lil min jifraħ Robert Abela hi deċiżjoni tiegħu. Żgur li qatt ma tlabtu xejn u lanqas stennejt xi ħaġa differenti minnu.”

Il-Viċi President tal-Parament Ewropew kompliet tgħid; “Imma li huwa wisq dgħajjef u wisq insikur biex jara lil hinn mill-Partit Laburista tiegħu jew li jara l-pajjiż minn lenti differenti u mhux dik ta’ aħmar jew blu għandu jgħidlek dak kollu li għandek bżonn tkun taf dwar ir-raġel u kemm hu jinsab ‘il bogħod milli jwettaq dmiru sew bħala Prim Ministru ta’ pajjiżna.”

Roberta Metsola għalqet billi rringrazzjat lill-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela u ħafna membri tal-Partit li jmexxi li għamlu kuntatt magħha u li fehmu xi jfisser dan għall-pajjiż u għal kull tifel u tifla li qed iħares lejn l-involviment fil-politika. “Il-messaġġ tiegħi għalihom, partikolarment il-bniet kollha; Ibqgħu semmgħu leħinkom. Tħallux ir-realtajiet ġeografiċi ta’ Malta jżommukom lura, m’aħniex żgħar daqs kemm jidher li jaħseb il-Prim Ministru tagħna – m’hemm l-ebda limitu għall-potenzjal tiegħek. “

Ritratt: Matthew Tabone