Lokali Parlament

Il-kunsilli huma injorati u mwarrba dwar ix-xogħlijiet tat-toroq

Toni Bezzina, PN

Il-kunsilli lokali għandhom ikunu konsultati dwar ix-xogħlijiet li qed isir fil-lokalitajiet u l-gvern m’għandux jibqa’ għaddej minn fuqhom.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li l-iskop tat-twaqqif tal-kunsilli lokali kien id-deċentralizzazzjoni tal-poter iżda wara l-2013 dan il-kunċett spiċċa biex issa l-kunsill saru biss estenzjoni tal-customer care tal-ministeri tal-gvern għax ftit jistgħu jieħdu azzjonijiet diretti dwar l-imenti li jirċievu.

Ir-responsabbitajiet tal-kunsilli lokali naqsu drastikament speċjalment fl-infrastruttura tal-lokalitajiet. Bl-Aġenzija Infstrastructure Malta kien eliminat għal kollox l-involviment tal-kunsilli lokali fid-deċiżjonijiet dwar liema toroq isiru fil-lokalitajiet; il-PN kien dejjem kontra dan il-kunċett.

Il-PN kien kontra wkoll li l-kunsilli lokali ma jkollhomx l-informazzjoni dwar ix-xogħlijiet li jkunu se jibdew fil-lokalitajiet. Hu qal li diversi toroq spiċċaw bla ma sar l-ebda xogħol fihom għal snin twal.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li mill-€100 miljun li jsemmi l-gvern għat-toroq kull sena hemm ammont kbir minnhom li jintefqu fuq toroq arterjali li dejjem kienu responabbiltà tal-gvern. Li kien għall-PL il-pajjiż ma kienx jieħu l-fondi mill-UE għaliex il-PL dejjem kien kontra l-UE.

Hu tratta n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-gvern, Infrastructure Malta u l-kunsilli lokali u qal li din hi evdenti fil-proġetti. Diversi kunsilli lokali qed ikollhom l-ilmenti tagħhom mhux mismugħa u mhux trattati, sostna Toni Bezzina, li kompla li problema oħra hi li mhux veru li l-gvern se jirnexxielu jlesti t-toroq kollha f’seba’ snin kif kien wiegħed.

Hu semma’ n-numru żgħir ta’ toroq li għadhom saru f’diversi lokalitajiet u qal li hemm ukoll il-problema tad-dewmien; dan minbarra n-nuqqasijiet li jkun fihom it-toroq meta jsir it-tarmak. Il-gvern m’għandux pjan fil-bini tat-toroq tal-pajjiż.

Toni Bezzina qal li fi Triq it-Tempesta l-Qrendi beda x-xogħol qabel l-elezzjoni tal-kunsilli lokali, waqaf u minn meta reġa’ beda għaddew sentejn. Fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fl-Imqabba x-xogħol ilu wieqaf iktar minn sena waqt li fi Triq il-Qaliet f’Marsascala x-xogħol ilu tliet snin għaddej. Din is-sitwazzjoni tinsab ukoll fi Triq iż-Żejtun.

Hemm ukoll diversi toroq fejn it-tarmak qed jinqala’ ftit wara li jkun ingħata minħabba x-xogħlijiet ta’ drenaġġ li ma jkunux saru qabel. Dan kollu jfisser ħela kbira ta’ flus. Wara l-mina ta’ Ħal Kirkop kien hemm diżorganzizazzoni fix-xogħijiet u ma kienx hemm il-pjani enċessarji fil-mod kif isiru x-xogħlijiet.