Lokali Parlament

Il-kunsilli lokali qed jitilfu l-poter li jaqdu lir-residenti

Clyde Puli, PN

Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-kunsilli lokali qed jitilfu l-poter li jaqdu lir-residenti miħabba li l-gvern qed itellfilhom ir-rilevanza tagħhom.

Fil-parlament Clyde Puli qal li l-kunsilli lokali llum saru esperjenza pożittiva ta’ governanza u sostna li din l-esperjenza kienet waħda pożtitiva fl-aħħar 25 sena. Hu sostna li dan sar fi proċess ta’ tisħiħ tad-demokrazija li kien qed isir flimkien mal-pluraliżmu tax-xandir. Aspett ieħor minbarra s-sussidjarjetà kien il-parteċipazzjoni politika ta’ ħafna żgħażagħ li ħadu l-esperjenza politika.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-bilda fl-isem minn kunsill lokali għal gvern lokali ma rriflettietx il-poteri li kellhom jingħataw lill-kunsilli lokali. F’ħafna każi s-sitwazzjoni marret lura fejn il-kunsilli lokali llum saru customer care għall-gvern.

Hu qal li l-impenn li hemm għar-reġjuni hu biex il-kunsilli lokali jkomplu jnaqqsu l-poteri tagħhom għaliex se jkun hemm reġjuni li se jiddettaw lill-kunsilli lokali; b’din id-deċiżjoni l-kunsilli lokali se jispiċċaw mhux effettivi.

Dwar Infrastructure Malta, Clyde Puli qal li d-deċiżjonijiet dwar it-toroq mhux qed jittieħdu mill-kunsilli lokali. Hu sostna li 25 sena ilu, meta hu kien Sindku ta’ Ħal Qormi, kienu saru 50 triq bit-tarmak, ġonna, monumenti, inizjattivi edukattivi u kulturali, libreriji, grounds tal-football u playingfields. Illum il-kunsilli lokali huma injorati, sostna Clyde Puli li semma’ diversi toroq li fihom qed jerġa’ jinqala’ t-tarmak.

Hu tkellem dwar it-telqa fil-widien fosthom f’Wied is-Sewda fejn it-telqa damet xhur u dwar diversi żoni oħra ta’ Ħal Qormi marbuta mal-identità tar-raħal fejn ix-xogħlijiet ilhom is-snin biex jitlestew.