Lokali Qorti

Il-Ministru Edward Scicluna joġġezzjona li jipproduċi dokumenti tal-Qorti f’kawża ta’ libell li fetaħ hu stess

L-Avukati li jirrappreżentaw lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna oġġezzjonaw għall-produzzjoni ta’ dokumenti tal-Qorti marbuta ma’ deċiżjoni ta’ Maġistrat biex issir inkjesta dwar il-ftehim tal-isptarijiet tal-VGH, bl-argument li l-informazzjoni kienet kunfidenzjali.

It-talba għad-dokumenti saret minn avukati li jirrappreżentaw lill-eks kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Il-kwistjoni ħarġet fil-kors ta’ proċeduri ta’ libell istitwiti mill-Ministru kontra Busuttil, fuq kumment li ħarġu minn tweet l-għada tad-deċiżjoni Maġisterjali li laqgħet talba mill-NGO Repubblika għal inkjesta dwar it-trasferiment kontroversjali tal-isptarijiet pubbliċi lil Vitals Global Healthcare (VGH).

L-inkjesta kellha tistabbilixxi jekk kienx hemm kompliċità kriminali minn Scicluna flimkien mal-eks Ministri Konrad Mizzi u Chris Cardona, fit-trasferiment tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u Għawdex.

Repubblika kienet talbet l-inkjesta biex tistabbilixxi jekk it-tliet Ministri, kif ukoll id-direttur maniġerjali tat-Technoline Ivan Vassallo, tawx lill-grupp ta’ investituri wara VGH vantaġġ inġust fil-proċess tal-għażla tal-kuntratt.

Il-kumpanija, li ma kellhiex esperjenza preċedenti fis-settur, kellha l-ishma tagħha mixtrija milli ġgant tal-kura tas-saħħa tal-Istati Uniti Steward inqas minn sentejn wara.

“Bħala pajjiż tal- #eurozone MA NISTGĦUX NAFFORDJAW li jkollna Ministru tal-Finanzi mdaħħal f’investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus. Għall-fini ta’ pajjiżna @edwardscicluna GĦANDU JITLAQ ISSA, għallinqas sakemm jikklerja ismu,” kien ittwitja Simon Busuttil f’Lulju 2019.

L-ewwel talba mill-grupp tas-soċjetà ċivili kienet milqugħa mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, u ġiet annullata fuq appell mill-Imħallef Giovanni Grixti, fir-rigward tat-tliet ministri.

Sussegwentement, Repubblika ressqet it-tieni talba, permezz ta’ applikazzjoni twila ta’ 150 paġna, li ġiet milqugħa mill-Maġistrat Doreen Clarke u kkonfermata fuq appell mill-Imħallef Edwina Grima, u b’hekk wittiet it-triq għall-inkjesta Maġisterjali.

“Mill-mument li ngħata dak id-digriet, ma stajniex inħallu li jkollok ministru tal-finanzi involut f’tali kwistjoni. Mhux qed nitkellem dwar l-arena ġudizzjarja imma l-arena politika.

“It-tnejn huma differenti,” kien spjega Busuttil, waqt li kien qiegħed iżomm sod fit-tweet tiegħu meta xehed waqt il-proċeduri ta’ libell f’Jannar li għadda.

Scicluna kien qal li l-kumment ta’ Busuttil kien intenzjonat li jtappan ir-reputazzjoni tiegħu “f’fażi “delikata” meta kien biċ-ċans biex jiġi nominat Kummissarju tal-UE.

Meta kien qed jiffaċċja kontro-eżami fil-kawża ta’ libell, Scicluna ġie mitlub minn Peter Fenech, l-avukat ta’ Busuttil, biex jipproduċi dokumenti marbuta mad-deċiżjoni tal-Maġistrat, ikkonfermati fl-appell f’Novembru 2019.

L-avukat tiegħu, Ivan Sammut, oġġezzjona billi argumenta li rekords tal-Qorti bħal dawn kienu “kunfidenzjali” u barra minn hekk, id-dokumenti mitluba ma kinux rilevanti għall-kawża ta’ malafama, ​​peress li huma kienu li ddatataw it-tweet li qanqal il-libell.

L-avukat ta’ Busuttil wieġeb li l-Ministru kien qed juża l-liġi biex “jipproteġi lilu nnifsu” u li billi għamel hekk kien qed iċaħħad lil Busuttil minn difiża effettiva.

Wara li semgħet sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, osservat li peress li l-Ministru ma kienx semma l-kwistjoni tad-dokumenti mitluba fl-affidavit tiegħu, Busuttil ma setax jagħmel it-talba waqt il-kontro-eżami.

Madankollu ma kien hemm xejn li jipprekluduh milli jġib dik l-evidenza direttament, sakemm kienet meqjusa mill-Qorti “ammissibbli u rilevanti għall-merti tal-każ.”

Meta ċaħdet l-appell tal-Ministri, l-Imħallef Edwina Grima kienet osservat li l-Ministri kellhom “rwol attiv” fin-negozjati u kienu awtorizzaw il-finanzjament tal-ftehim VGH minn fondi pubbliċi.

L-iskop tal-inkjesta Maġisterjali kien li jkun magħruf jekk dawk kollha involuti fin-negozjati setgħux jiksru l-liġi, kienet ikkonkludiet il-Qorti tal-Appell.

Dik id-deċiżjoni effettivament tfisser li l-Maġistrat, li kien qed imexxi l-inkjesta kontra Ivan Vassallo, kellu jiġbor provi wkoll fir-rigward tat-tliet ministri.

Intant, meta deher fis-seduta tal-Ġimgħa li għaddiet fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-eks Ministru Cardona kkonferma li kien qed jiffaċċja inkjesta Maġisterjali dwar il-ftehim tal-VGH, iżda kien għadu ma ġiex imsejjaħ biex jixhed. Il-kawża ta’ libell tkompli f’Jannar.