Lokali Parlament Unjoni Ewropea

Il-Parlament Malti jawgura lil Roberta Metsola għall-kariga ta’ Viċi President tal-Parlament Ewropew

Roberta Metsola kompliet tirċievi l-awguri għall-kariga l-ġdida tagħha fil-Parlament Ewropew, dik ta’ l-Ewwel Viċi President hekk kif fl-ewwel darba li tlaqqa’ l-Parlament Malti minn meta nħattret fit-tieni l-ogħla kariga tal-Parlament Ewropew, iż-żewġ naħat tal-kamra awguraw lill-MEP tal-Partit Nazzjonalista.

Kienet l-Oppożizzjoni li l-ewwel awgurat lil Metsola fil-bidu tas-seduta Parlamentari tat-Tnejn meta il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar saħaq li kien xieraq li l-ogħola istituzzjoni tal-pajjiż tawgura lill-Maltija għall-kariga tagħha fl-Ewropa.

Il-Gvern segwa dan u wkoll awgura lill-MEP tal-PN meta l-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield saħaq li jaqbel ma’ Cutajar u wassal l-awguri tiegħu. Dan qabel ma’ awgura lil Metsola wkoll l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia.

Intant, dawn l-iżviluppi jaslu ftit tas-sigħat wara li l-Prim Ministru Robert Abela, meta mistoqsi minn Net News, għal darb’ oħra għażel li jattakka lil Roberta Metsola b’mod partiġġjan minflokk jawguralha għall-kariga ta’ Viċi President tal-Parlament Ewropew.

F’kummenti lil Net News, Roberta Metsola qalet li Robert Abela “għadu jara l-pajjiż bil-lenti ta’ aħmar jew blu,” dan filwaqt li wasslet messaġġ ta’ tama u kuraġġ lit-tfal Maltin u Għawdxin li jaspiraw karriera fil-politka.