“Kull min ikun fil-Gvern għandu mhux biss jemmen fil-Kunsilli Lokali iżda għandu wkoll l-obbligu li jżidilhom il-fondi u l-poteri tagħhom, anki fuq livell reġjonali, sabiex b’hekk tassew u fejn hu possibbli jkun hemm proċess akbar ta’ deċentralizzazzjoni sabiex il-Gvern ċentrali jiffoka aktar fuq livell nazzjonali.”
Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt żjara li għamel lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali fejn osserva x-xogħol siewi li qed tagħmel din l-Assoċjazzjoni għall-ġid tar-residenti fil-lokalitajiet.
Bernard Grech qal li huwa ta’ importanza li l-Kunsilli Lokali jaħdmu b’mod newtrali favur ir-residenti biex jagħtu l-aħjar kwalità ta’ ħajja lin-nies… b’viżjoni simili għal dik li għandu l-Partit Nazzjonalista.
“Qiegħdin naqblu fuq il-pilastri għaliex anke l-Partit Nazzjonalista bil-viżjoni illi ppreżenta jixtieq jara l-ispazji urbani, jixtieq jara d-diġilitazzjoni aħjar tal-lokalitajiet tagħna,” qal il-Kap tal-PN, Bernard Grech. “Imma hemmhekk nara u nifhem kif il-futur ta’ Malta u anke fuq livell lokali huwa propju illi l-bniedem ikollu esperjenza aħjar u allura kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Għal dawn l-aħħar snin, l-Assoċjazzjoni ħadmet bla waqfien biex fost l-oħrajn tara li jkun hemm għaqda lokali għall-ġid tal-pajjiż kollu.
Il-President tal-Assoċjazzjoni, Mario Fava qal li biex dan iseħħ kien hemm bżonn li l-ewwel u qabel kollox jiġu indirizzati l-problemi passati biex wara bdiet strateġija b’differenza. Hu kompla jgħid li bħala Assoċjazzjoni l-għan tagħhom hu li jkunu ta’ ħolqa bejn il-Kunsilli Lokali u l-Gvern biex ikunu ċerti li l-problemi kollha li jinħolqu jkunu indirizzati bl-aħjar mod.
Fava qal li fost ix-xogħol li sar kien hemm il-faċilità ta’ mobbiltà iktar sigura, spazji iktar miftuħa mħaddra, u teknoloġija li tiffaċilità x-xogħol tal-Kunsilli Lokali.
Preżenti waqt din iż-żjara kien hemm il-kelliem tal-PN Karl Gouder, il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni Samuel Azzopardi, il-President Regjonali Ċentru Michael Fenech Adami, il-President Reġjonali Tramuntana Anton Mifsud, u l-membri tal-AKL Graziella Galea, Joe Cordina u Mark Grech.
//= $special ?>