Lokali Qorti

Il-Qorti Kriminali għandha taħtar amministratur biex jikkontrolla l-assi ta’ Keith Schembri

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li għandha tkun il-Qorti Kriminali li tagħżel il-persuna biex tikkontrolli l-assi ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Id-deċiżjoni ngħatat wara li l-Qorti kienet ħarġet ordni għall-iffriżar tal-assi kollha ta’ Keith Schembri, tal-kumpaniji tiegħu u martu, u persuni oħrajn. L-ordni kienet inħarġet mill-Imħallef Edwina Grima fuq talba li saret mill-Avukat Ġenerali.

Il-Qorti kienet qablet mat-talba tiegħu li hemm suspett raġjonevoli li Schembri u persuni oħra jistgħu jinstabu ħatja ta’ ħasil ta’ flus skont il-kapitlu 373 tal-Liġi ta’ Malta.

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul qalet li n-nomina ta’ amministratur u lil min se jkun qiegħed jirrispondi, hija tal-fehma li għandha tkun il-Qorti Kriminali li tagħżel il-persuna, u tagħti dawk l-ordnijiet li jkun hemm bżonn fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

Qalet ukoll li wara kollox kienet il-Qorti Kriminali li laqgħet it-talba għall-ordni ta’ investigazzjoni u sekwestru, wara li kkonkludiet li kienet sodisfatta li hemm raġunijiet biżżejjed ta’ suspett li l-persuni suspettati, li jinkludu diversi persuni, huma ħatja ta’ reati skont l-Art. 3 tal-Att dwar Money Laundering.

L-applikazzjoni tal-Avukat Ġenerali kienet sottomessa jiem wara li ġiet fi tmiemha inkjesta maġisterjali dwar jekk l-eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kienx irċieva flus minn bejgħ ta’ passaporti.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti Kriminali kompliet tgħid li minn-naħa l-oħra l-kompitu tal-Qorti Ċivili, Prim’Awla fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali huwa limitat u ma joffrix rimedju lil Schembri u persuni oħra, li b’riżultat ta’ hekk qed jingħad li sofrew ksur tal-jeddijiet fundamentali.

Id-deċiżjoni tgħid ukoll li l-Qorti Kriminali qegħda fl-aħjar pożizzjoni li tissorvelja u tagħti l-ordnijiet li hemm bżonn lill-amministratur. Dan iktar u iktar meta tikkunsidra li għandha aċċess għall-informazzjoni li m’hijiex għad-disposizzjoni ta’ Qrati oħrajna.

Ukoll li abbażi tal-informazzjoni l-Ewwel Qorti kkonkludiet li hemm raġunijiet biżżejjed ta’ suspett li l-persuni ġew identifikati bħala suspettati, u li jista’ jkun huma ħatja ta’ reat skont l-Artiklu 3 tal-Kap. 373.

Għal dawn il-motivi l-Qorti Kostituzzjonali qalet li qegħda tilqa’ biss parzjalment l-appell tagħhom u tvarja d-deċiżjoni tal-Qorti tal-ewwel grad tal-14 ta’ Ottubru 2020 fis-sens li l-amministratur għandu jintagħżel mill-Qorti Kriminali wara li jisma’ lill-partijiet.

Keith Schembri, l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, u Diretturi tal-kumpaniji varji tiegħu kienu ħadu azzjoni legali fuq ordni tal-Qorti li ffriżat l-assi ta’ għexieren ta’ negozji u individwi.

Schembri, persuni u diversi kumpanija, flimkien mal-qraba tagħhom kienu ressqu applikazzjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, fejn qalu li sar ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem tagħhom.

Huma sostnew li l-azzjoni ordnata kontrihom kienet bi ksur tad-drittijiet tagħhom għal smigħ ġust u għat-tgawdija tal-propjetà tagħhom kif ukoll id-dritt tagħhom li ma jiġux ikkastigati mingħajr kundanna.

Ditti li jappartjenu lil Schembri kellhom l-assi tagħhom iffriżati wara li Qorti ħarġet ordni ta’ sekwestru f’dan is-sens. L-ordni telenka diversi persuni u kumpanija.

Keith Schembri kien ġie arrestat għal madwar 20 siegħa u bħalissa jinsab taħt Police Bail bl-investigazzjonijiet ikomplu għaddejjin., Permezz tal-avukati tagħhom Edward Gatt u Mark Vassallo, kienu argumentaw li l-liġi nnifisha kienet qed tikser id-drittijiet tagħhom għax ma tathomx ir-rimedju legali biex jiġġieldu l-ordni ta’ investigazzjoni maħruġa kontrihom.