Coronavirus Internazzjonali Saħħa

COVID -19: Il-vaċċin ġdid ta’ Moderna jindika protezzjoni ta’ kważi 95 fil-mija kontra l-virus

Vaċċin ġdid li jipproteġi kontra l-Covid-19 instab li għandu effettività ta’ kważi 95 fil-mija kontra l-virus qattiel.

Il-vaċċin, prodott mill-kumpannija Amerikana, Moderna, qed jindika livell ta’ progress ferm inkoraġġanti għall-impenji kontra l-pandemija. Intant, ir-riżultati ta’ Moderna qed isegwu l-iżviluppi pożittivi tar-riċerka ta’ Pfizer u BioNTech, li r-riżultati preliminari tal-vaċċin tagħhom (jiem ilu) urew protezzjoni fuq livell ta’ 90 fil-mija kontra l-Covid-19.

Il-kumpanniji inkwistjoni użaw il-metodi sperimentali u mill-aktar innovattivi fil-prodozzjoni tal-vaċċini inkwistjoni – b’kelliema għal Moderna jsostnu li l-vaċċin tagħhom għandu jitqies ukoll bħala żvilupp storiku fid-dinja tar-riċerka.

Filwaqt li l-Moderna qed tippjana biex tappella għall-approvazzjoni ħalli tuża l-vaċċin fil-ġimgħat li ġejjin, għad jonqos għall-konklużi tal-analiżi fir-rigward tad-data, meta l-affarijiet għadhom fil-fażi bikrija.

Il-provi għall-vaċċin tal-Moderna kienu jinvolvu mat-30,000 persuna fl-Istati Uniti – b’nofshom jingħataw żewġ dożi tal-vaċċin fi spazju ta’ erba’ ġimgħat, waqt li l-oħrajn ingħataw placebos bħala parti mill-proċess.

L-analiżi, intant, ibbażat fuq ‘l-ewwel 95 persuna li kellhom jiżviluppaw sintomi tal-Covid-19.’

Għalissa mhux magħruf kemm għandha ddum l-immunità peress li l-voluntiera għall-provi jridu jibqgħu segwiti għal aktar żmien sakemm ir-riċerkaturi jissodisfaw ruħhom mis-sitwazzjoni.

Madankollu, Tal Zacs, l-uffiċjal mediku ewlieni ma’ Moderna, qal li d-data, s’issa, tissuġġerixxi li l-vaċċin inkwistjoni ma jidhirx li għandu jitlef l-effettività maż-żmien.

Fl-istess ħin għadu mhux magħruf jekk il-vaċċin tal-Moderna sempliċiment iwaqqafx lin-nies milli jimirdu serjament jew jekk iwaqqafhomx milli anki jinfettaw lil ħaddieħor bil-virus.