Illejla t-tim nazzjonali Malti se jkun involut fl-aħħar partita kontra l-Gżejjer Faroe minn Diviżjoni D Grupp 1 tal-UEFA Nations League, liema partita qed titqies bħala waħda mill-aktar partiti importanti li t-tim nazzjonali Malti qatt lagħab fl-istorja.
Rebħa għal Malta bl-iskor ta’ 1-0 jew 2-1 tkun tfisser li Malta itemm fl-ewwel post ta’ dan il-grupp u tikseb promozzjoni awtomatika għal Diviżjoni Ċ, fl-edizzjoni li jmiss tal-UEFA Nations League.
Fl-aħħar xhur taħt it-tmexxija tal-kowċ Devis Mangia rajna lit-tim nazzjonali Malti jagħmel titjieb sostanzjali, mhux biss fil-prestazzjoni iżda dan qiegħed iħalli l-frott anke fir-riżultati hekk kif Malta ila għall-aħħar sitt logħbiet tikseb riżultati pożittivi.
Flimkien ma’ Malta u l-Gżejjer Faroe, fl-istess grupp ta’ Malta kien hemm l-Latvja u l-Andorra, fejn Malta f’dan il-grupp kisbet żewġ rebħiet, żewġ draws u telfa. Malta rebħet l-aħħar żewġ konfronti f’dan il-grupp, l-ewwel wieħed dak tat-13 ta’ Ottubru ġewwa Riga kontra Latvja, fejn it-tim nazzjonali Malti kiseb rebħa ta’ 1-0 bil-gowl jasal fl-94 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Steve Borg. It-tieni rebħa f’dan il-grupp waslet nhar is-Sibt li għadda fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali fejn minkejja li Malta sofriet gowl kmieni, wettqet rimonta u kisbet rebħa ta’ 3-1, fejn kienet l-ewwel darba li Malta rnexxiela tirbaħ meta kienet fl-iżvantaġġ f’partita kompetittiva.
Iż-żewġ draws f’dan il-grupp wasslu fis-6 ta’ Settembru f’Ta’ Qali kontra l-Latvja u erba’ t’ijiem wara kontra Andorra, f’partita li kienet frustranti ferm għat-tim Malti fejn minkejja li kien dominanti ma setgħax isib il-gowl.
L-unika telfa f’dan il-grupp, ironikament wasslet kontra t-tim li se jkun qiegħed jilgħab kontra t-tim Malti llejla, il-Gżejjer Faroe f’telfa ta’ 3-2 bil-gowl tar-rebħa għall-avversarji jasal lejn tmiem il-partita.
Bla ebda dubju, din il-partita se tkun l-aktar waħda diffiċli f’dan il-grupp mhux biss għax il-Gżejjer Faroe għandhom żewġ riżultati favurihom, jiġifieri li jekk il-konfront jintemm fi draw jew f’rebħa għalihom ikun ifisser li huma jtemmu fl-ewwel post u jiksbu promozzjoni iżda għaliex għandhom numru ta’ plejers b’saħħithom li kapaċi jibdlu l-partita.
Fl-aħħar partiti iżda t-tim nazzjonali Malti wkoll wera l-kapaċità tiegħu u li kapaċi joffri oppożizzjoni soda lil kull avversarju u żgur li minkejja li l-partita se tintlagħab b’bibien magħluqa, il-poplu Malti u Għawdxi se jingħaqad f’support sħiħ wara t-tim nazzjonali Malti. Netnews.com.mt se jkun qed iżommkom aġġornati b’dak li se jkun qiegħed iseħħ f’dan il-konfront b’kummentarju bil-miktub mill-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.
“Kulħadd għandu jkun kburi bil-plejers Maltin” – Devis Mangia
Waqt konferenza tal-aħbarijiet lejliet il-partita kontra l-Gżejjer Faroe, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Devis Mangia qal li kulħadd għandu jkun kburi bil-plejers Maltin u b’dak li wettqu s’issa fejn irnexxielhom jaċċertaw mit-tieni post fil-grupp u jiksbu rekord ta’ 8 punti fi grupp kompetittiv. Mangia qal li jrid li l-plejers meta jkunu fil-grawnd jaħsbu b’mod pożittiv u jippruvaw jirbħu l-partita. Hu qal ukoll li jinsab kuntent bil-mentalità tal-plejers u li l-plejers m’għandhom iħossu pressjoni żejda għal din il-partita
“Se nagħtu kollox fil-grawnd”- Andrei Agius
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet indirizza l-midja, il-captain tat-tim nazzjonali Malti Andrei Agius fejn stqarr li hu u sħabu se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex jirbħu din il-partita u jferrħu lill-poplu Malti.