Lokali Qorti

Jeħel il-ħabs wara li fera’ b’sikkina lill-eks sieħba tiegħu u raġel ieħor

Niġerjan ta’ 31 sena ġie kundannat disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati li fit-13 ta’ April tas-sena l-oħra fera żewġ persuni b’sikkina li tintuża mill-koki. Keven Agbigbi residenti San Pawl il-Baħar, li jaħdem bħala kok f’ristorant li huwa jmexxi, nstab ħati li fera gravament raġel u b’mod ħafif lill-eks sieħba tiegħu.

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia fis-sentenza tagħha ordnat ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jibda nvestgazzjoni fil-konfront ta’ Agbibi peress li hija temmen li huwa xehed falz f’dawn il-proċeduri. Huwa nstab ħati wkoll li kellu arma li taqta’ mingħajr il-liċenzja tal-Pulizija.

Il-każ kien investigat mill-Ispettur Godwin Scerri u t-tim tiegħu u mill-provi rriżulta li l-l-każ seħħ f’appartament fi Triq it-Tamar, f’San Pawl il-Baħar. Agbigbi kien jgħix mal-eks sieħba tiegħu Blessing Aloun f’appartament u kellhom flimkien tarbija ta’ 18-il xahar u wild ieħor ta’ Blessing ta’ 10 snin.

Ftit qabel l-inċident ir-relazzjoni bejn il-koppja kienet bdiet sejra lura minħabba li xi ħadd kien qal lill-imputat li s-sieħba tiegħu kienet f’relazzjoni ma’ xi ħadd ieħor.

Blessing ma felħitx aktar u kienet telqet mill-appartament għar-refuġu u marret tgħix f’appartament ieħor jum qabel ma seħħew l-inċidenti. Kienet marret tgħix ma’ ċertu William Uti, ħabib tagħha u anke tal-eks sieħeb tagħha u ħadet magħha t-tarbija.

Madankolu Keven Agbigbi kien mar u b’forza ħa lit-tarbija tiegħu u ta’ Blessing għandu. Blessing u Uti kienu ċemplu lil ċertu Matthew Anoja biex imur għand Agbigbi u jipprova jikkalmah. Dak il-ħin Anoja kien mat-tfajla tiegħu Rachel Fred f’lukanda qed jattendu kunċert.

Aktar tard Anoja mar mat-tfajla tiegħu Fred fl-appartament ta’ Agbigbi biex jippruvaw jikkonvinċuħ jagħti t-tarbija lura lil Blessing, li wkoll kienet marret fl-appartament flimkien ma’ William Uti. Magħhom kien mar ukoll it-tifel il-kbir tagħha.

Blessing li kellha ċ-ċavetta qabdet u fetħet l-appartament u lkoll daħlu ġewwa u hawn beda argument bejn Agbigbi u Anoja, li spiċċa sofra minn ġrieħi gravi.

Il-Qorti ddeċidiet fuq il-kredibilità tax-xhieda kollha f’dan il-każ, l-aktar fuq ix-xhieda tal-imputat u l-allegati vittmi, liema xhieda kienet waħda totalment differenti minn ta’ xulxin.

Skond Blessing u Matthew, meta marru fl-appartament, l-imputat kien irrabjat ħafna. Matthew fix-xhieda tiegħu qal li Keven Agbigbi qabdu minn għonqu u mill-għonq tal-flokk, bl-argument isir vjolenti fiżikament.

F’dan l-istadju l-imputat ġera fil-kamra tas-sodda tiegħu, fejn kien iżomm sett ta’ skieken li jużaw il-koki u mar biex jagħtih b’sikkina minnhom. Matthew irnexxielu jeħodlu s-sikkina u remiha.

Waqt li kien għaddej dan kollu Uti pprova jissepara liż-żewġt irġiel u jikkalma s-sitwazzjoni, waqt li Blessing ħadet it-tarbija mill-kamra tas-sodda. B’xi mod it-tliet irġiel marru fil-kamra tas-sodda tal-imputat biex jippruvaw isolvu l-kwistjoni.

Madankollu l-qiegħa reġgħet saħnet u ġlieda oħra seħħet fil-kamra tas-sodda. Meta l-ġlieda ikkalmat, Matthew u Uti ħarġu mill-kamra tas-sodda għal kuritur biex jitilqu.

Keven Agbigbi mar warajhom b’żewġ skieken, u qata’ widnejn Matthew b’sikkina minnhom. F’dan il-punt, William qata ‘qalbu, u telaq mill-appartament, għax ma riedx jinvolvi ruħu f’dan il-ġlied, barra li kien ferut u muġugħ.

Minkejja dan l-imputat baqa’ jattakka u jiġri wara Matthew b’żewġ skieken. Huwa weġġgħu f’sidru b’waħda mis-skieken. Matthew kien qed jiddefendi lilu nnifsu b’idejh, jipprova jevadi tixjir bis-skieken, u spiċċa biex sofra minn qatgħat fil-polz sal-minkeb tal-id il-leminija tiegħu.

Matul din il-ġlieda, Blessing ippruvat ukoll tneħħi s-skieken minn idejn l-imputat, iżda spiċċat b’qatgħa fuq is-saba’il-kbir ta’ idha x-xellugija. Matthew qal lil Blessing u lil Rachel Fred biex biex joħorġu mill-appartament.

Koppja li tgħix fl-appartament ta’ taħt taw il-kenn lil Blessing u lil uliedha u ċemplu lill-Pulizija. B’xi mod, Matthew irnexxielu joħroġ mill-appartament, u beda jiġbed il-pum tal-bieb ta’ barra tal-appartament, sabiex l-imputat ma jkunx jista’ joħroġ, sakemm waslu l-Pulizija.

L-imputat irnexxielu jkisser in-nofs tal-bieb ta’ barra tal-appartament, u poġġa sikkina fit-toqba biex Matthew kellu jirtira lura biex ma jintlaqatx mis-sikkina, bl-imputat xorta fetaħ il-bieb u ħareġ biż-żewġ skieken f’idejh, fejn baqa’ jhedded lil Matthew u jgħidlu li kien se joqtlu.

Matthew għafas il-buttuna tal-lift, iżda l-imputat xorta rnexxielu jolqot lil Matthew fuq dahru, eżattament fuq spalltu x-xellugija. Hekk kif ħareġ mill-lift, Matthew sab lill-akkużat fis-sular t’isfel wara li dan uża t-taraġ, u baqa’ bis-skieken f’idu.

Huwa pprova jattakka lil Matthew għal darba oħra , iżda Matthew imbuttah lura u ħarab mill-blokka tal-appartamenti, fejn kien hemm Rachel tistenna. Rachel neħħiet il-ġakketta tagħha biex tipprova twaqqaf id-demm li joħroġ mill-qatgħa.

Hija ċemplet ukoll għall-ambulanza iżda peress li din ittardjat u Matthew kien qed jitlef ħafna demm, Matthew iddeċieda li jsuq it-triq kollha lejn l-Isptar Mater Dei bil-karozza tiegħu, b’Rachel tgħinu.

Min-naħa l-oħra, skont l-imputat qal fil-Qorti li l-ġrieħi fuq wiċċ Blessing, kienu kkawżata minħabba li waqt li kien waqt li kien qed żżomm idejha, ​​ippruvat tneħħija u laqatha.

Qal ukoll li f’daqqa waħda Matthew ħareġ xi ħaġa mill but, probabbilment sikkina u beda jaqta’ l-pala tal-lemin tiegħu magħha. Matthew tah ukoll daqqa ta’ ponn fuq wiċċu, u minħabba din id-daqqa tilef żewġ snien ta ’quddiem u sinna oħra spiċċat tiċċaqlaq.

Qal li kien Matthew li mbuttah lejn il-gallarija fil-kamra tas-sodda, u bdew jiġġieldu. Tenna li Matthew qabad il-partijiet privati ​​tal-imputat, u biex jeħles minnu, kellu jigdimlu widnejh. Xhieda li l-Qorti ma emmnitx.