Lokali

L-Arċisqof Ġorġ Frendo jaqleb għall-aħjar

Dan is-sit jista’ jikkonferma li l-qagħda ta’ Monsinjur Ġorġ Frendo, Arċisqof Malti tad-djoċesi ta’ Tirana u Durres fl-Albanija, hi waħda stabbli.

Dalgħodu dan is-sit għamel kuntatt mal-Isptar Miulli f’Bari u rnexxielu saħansitra jikseb il-permess biex ikellem għal ftit sekondi lil Mons. Frendo li qalilna li jinsab aħjar u qiegħed jittama li sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa jkun jista’ jibda perjodu ta’ konvalexxenza barra mill-isptar. Hu xtaq jirringrazzja lil numru kbir ta’ Maltin li jaf li qegħdin jitolbu għalih.

L-Isqof Frendo ttieħed b’urġenza minn Tirana lejn l-isptar ta’ Bari matul il-lejl bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa minħabba kumplikazzjonijiet wara li rriżulta pożittiv għall-Covid-19.

Id-deċiżjoni li jkun rikoverat f’dan l-isptar li jilqa’ fih biss pazjenti pożittivi għall-Coronavirus ittieħdet direttament mill-Vatikan minħabba l-limitazzjonijiet kbar fis-servizz tas-saħħa fl-Albanija.