Lokali

Robert Abela perpless quddiem id-domandi ta’ Net News

Il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jibda l-ġimgħa tiegħu b’attività li għaliha ġabar madwar 50 ruħ f’post ristrett fejn kien difficli ferm tinżamm distanza soċjali. Konferenza tal-aħbarijiet bis-sehem ta’ żewġ Ministri u tliet entitajiet pubbliċi, biex inawgura pont ta’ inqas minn 100 metru.

Fi tmiem l-inawgurazzjoni Robert Abela żanżan dan il-pont qabel ma ħa l-mistoqsijiet tal-media preżenti li kienet mistiedna mill-Gvern biex tattendi. Net News talab spjegazzjoni mill-Prim Ministru ghalfejn l-imwiet tal-COVID-19 f’pajjiżna qed jithabbru f’email li tintbagħat f’ħin fejn ma tkunx tista’ tkun imxandra fil-bulettini tal-ahbarijiet – mossa li ħareġ biha l-Gvern fl-aħħar jiem. Għal mistoqsija ta’ għalfejn qed isir dan, Robert Abela saħaq li m’hemm xejn differenti.

Intant, hekk kif għaddiet kważi ġimgħa minn meta nkitbet l-istorja u Maltija nħatret fit-tieni l-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew, Robert Abela baqa’ ma awgurax lil Roberta Metsola għall-kariga tagħha bħala l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew. Meta mistoqsi għalfejn għadu ma awgurax, Abela infexx f’attakk partiġġjan fil-konfront tal-MEP tal-Partit Nazzjonalista u mill-ġdid reġa’ iddefenda l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti.