Lokali Qorti

Żewġ suspettati traffikanti tad-droga jitressqu l-Qorti u jinżammu arrestati

B’mod separat il-Qorti ċaħdet il-libertà proviżorja lil żewġt irġiel akkużati b’pussess aggravat ta’ kokaina u kannabis, kif ukoll drogi oħra. L-ewwel li tressaq il-Qorti kien Darko Smiljanic, fattiga ta’ 31 sena, li qal ukoll li jaħdem bħala xufier tat-taxi u fil-kostruzzjoni mis-Serbja.

Smiljanic ġie arrestat wara li l-Pulizija rċevew ”tip off u poġġewh taħt sorveljanza. Din is-sorveljanza wasslet lill-Pulizija biex ikollha suspett raġonevoli ta’ reat u inkiseb mandat ta’ arrest.

Fil-ħin tal-arrest tiegħu, il-Pulizija sabu d-droga kemm ġewwa l-appartament tiegħu kif ukoll fuq il-persuna tiegħu. L-Ispettur Steven-Ryan Micallef qal lill-Maġistrat Ian Farrugia li nstabu 1.75kg kannabis fil-pussess tiegħu, flimkien ma’ 19-il gramma kokaina u seba’ grammi MDMA u taħlita ta’ qratas vojta.

L-avukat ta’ Smiljanic, Franco Debono, issuġġerixxa li l-kannabis instabet f’ħames blokok kbar, iżda l-Ispettur ma qabilx, u qal li hemm aktar minn ħamsa.

L-akkużat kien qal lill-Pulizija li kien xtara d-drogi għall-użu personali tiegħu, iżda d-daqs tal-pakketti jista’ jindika li kien sempliċement ibigħ f’ammonti kbar, qal l-Ispettur Micallef. L-akkużat wieġeb mhux ħati u talab il-ħelsien mill-arrest.

Dan kien oppost bil-qawwa mill-Prosekuzzjoni, li argumentat li l-gravità tal-każ, l-ammonti sostanzjali ta’ aktar minn droga waħda, in-nuqqas ta’ tal-akkużat li jkun Malta u l-istadju bikri tal-investigazzjoni kollha jimmilitaw kontra l-libertà proviżorja.

Id-difiża qalet li ma kien hemm l-ebda impediment għall-ħelsien mill-arrest. Debono sostna li l-gravità tar-reat ma kinitx raġuni għar-rifjut tal-libertà proviżorja u lanqas il-fatt li kien hemm tipi differenti ta’ droga.

L-akkużat kellu rabtiet “pjuttost qawwija” ma ‘Malta, argumentat id-difiża, u rrimarka li kien ilu jgħix Malta għal sitt snin u għandu mara u żewġt itfal fl-iskola. L-avukat żied jgħid li l-akkużat ikkoopera bis-sħiħ mal-pulizija.

“Meta l-Ispettur isemmi li l-akkużat ma kellux rabtiet qawwija, għandi t-tendenza li nissuspetta li l-Prosekuzzjoni ma għandhiex każ b’saħħtu. Ir-raġel ilu jgħix hawn għal xi żmien u għandu familja hawn,”qal l-Avukat Debono.

Il-Qorti, madankollu, ċaħdet il-libertà proviżorja lill-akkużat, u ddikjarat li l-fatt li l-akkużat ma “kellu l-ebda rabta reali mal-gżejjer” kif ukoll il-fatt li l-akkużi kienu ta’ natura serja ħafna, fissret li kien hemm fatt reali u tanġibbli ta’ periklu għall-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja.

Bħalma jiġri fil-każijiet kollha tat-traffikar tad-droga, inħarġet ordni ta’ sekwestru fuq il-proprjetà kollha tal-akkużat, li twaqqfu milli jittrasferixxi jew jiddisponi minn kwalunkwe proprjetà mobbli jew immobbli. Għall-akkużat dehru wkoll l-avukati Marion Camilleri u Francesca Zarb.

“Deliveryman” Furjaniż akkużat bi traffikar ta’ droga
Charlon Theuma ta’ 25 sena mill-Floriana wkoll ffaċċja akkużi fuq droga wara li waqt ronda tal-Pulizija sabet 59 pakkett ta’ droga varji fuq il-persuna tiegħu.

Theuma li tressaq quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia ġie akkużat b’pussess ta’ kokaina, eroina u kannabis f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinux esklussivament għall-użu personali tiegħu. Huwa ġie akkużat ukoll li sar reċidiv.

L-Ispettur Steven Ryan Micallef qal lill-Qorti li Theuma kien intlemaħ waqt u li kien qed jaġixxi b’mod suspettuż waqt patrol tal-Pulizija. L-Ispettur qal li l-Pulizija kienu qed joqogħdu attenti għal Theuma, wara li rċevew informazzjoni dwar possibbli reat.

Meta saret tfittxija fuqu, il-Pulizija sabu li Theuma kien qed iġorr 59 qartas ta’ eroina, kokaina u kannabis. Il-maġġoranza tad-drogi misjuba kienu kokaina, qal l-Ispettur, u spjega li madwar 11 biss mill-qratas misjuba kien fihom l-eroina u numru iżgħar kien fih il-kannabis.

Theuma, li ġie deskritt bħala li għandu rekord kriminali ‘ikkulurit’ fil-Qorti, ma kien qed wieġeb mistoqsijiet li sarulu mill-Pulizija waqt l-interrogazzjoni tiegħu, qal l-Ispettur.

Mistoqsi jekk hux ħati jew le, Theuma għall-ewwel deher inċert u mbagħad wieġeb mhux ħati. Intalbet ukoll il-libertà proviżorja mill-avukat tiegħu, Amadeus Cachia.

Dan sab oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni, li rrimarkat li d-droga kienet maqsuma f’pakketti, lesti għad-distribuzzjoni u li l-akkużat kien diġà fuq pleġġ fuq akkużi simili. L-Ispettur qal li kien hemm biża’ veru li jitbagħbsu l-provi.

L-Avukat Cachia argumenta li ma kienx ikkontestat li l-akkużat kellu problema tad-droga u talab lill-Qorti biex tordna li r-raġel jitpoġġa taħt sorveljanza jekk jingħata l-pleġġ.

Il-Qorti, madankollu, wara li qieset iċ-ċirkostanzi u n-natura tal-akkużi, iddeċidiet li kien hemm riskju reali li l-provi jiġu mbagħbsa. Waqt li nnutat ukoll li l-investigazzjoni tal-Pulizija kienet għadha fl-istadji bikrija tagħha, il-Qorti ċaħdet il-libertà proviżorja