“Aktar minn mitt siġġu vojt fid-djar tal-familji Maltin, riżultat tal-messaġġi kunflinġenti u n-nuqqas ta’ responsabbiltà minn naħa tal-Gvern”.
Mitt siġġu impoġġi fi Pjazza Kastilja, kull siġġu bi fjura bajda fuqu, simbolu għal kull vittma li tilef ħajtu fl-aħħar xhur f’pajjizna riżultat tal-Covid-19.
L-attivisti ta’ Repubblika organizzaw dan il-ġest simboliku għax riedu jwasslu messaġġ lill-Gvern.
Alessandra Dee Crespo li tkellmet f’isem Repubblika qalet li din l-organizzazzjoni riedet tfakkar li dawn il-vittmi mhumiex sempliċi numri iżda huma persuni li issa ħallew vojt fil-familji tagħhom u qalet li ma jistax ikun li kollox jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn.
Intant, propju waqt li kienet għaddejja din id-dimostrazzjoni pacifika, il-Prim Ministru Robert Abela deher ħiereġ minn Kastilja fejn waqqafnih biex nistaqsuh propju dwar il-mod kif qed jindirizza l-pandemija, bil-Prim Ministru jidher viżibbilment skomdu quddiem il-mikrofonu ta’ Net News.
Robert Abela qal li r-realta tal-pandemija hija waħda l-istess fid-dinja kollha u li bħala Gvern “għamilna li stajna biex inżommu l-pandemija taħt kontroll”.
Il-Prim Ministru deher irritat ferm meta staqsejnih għaliex id-Deputat Prim MinistruChris Fearne kien qed jitħalla fil-għama dwar attivitajiet li qed jorganizza l-Gvern għall-jiem tal-Milied .
U meta staqsejnih fuq hekk, qal li hu kien diġa wieġeb dwar dan.
L-attivisti preżenti esprimew ir-rabja tagħhom għall mod kif il-Prim Ministru kien wassal messaġġi kunflinġenti fil-ġimgħat li għaddew u tawh ukoll kopja tad-diskors li nqara waqt l-attività sabiex ikunu ċerti li l-messaġġ tagħhom jasal.
//= $special ?>