Internazzjonali

Iċ-Ċina: Ġurnalista tissogra l-ħabs wara li rrappurtat dwar il-Covid-19 f’Wuhan

Ġurnalista –ċittadina taċ-Ċina – li wasslet ir-rapporti dwar l-inċidenza bikrija tal-Covid-19 fil-belt ta’ Wuhan  kapaċi teħel sa ħames snin ħabs.

Dan kien żvelat min dokumenti li għadhom kemm ħarġu fil-pubbliku u fejn jingħad li Zhang Zhan – mara ta’ 37 sena li għamlet żmien taħdem bħala avukat – ilha tinżamm taħt detenzjoni minn dakinar tal-arrest tagħha, f’Mejju li għadda.

Hi qed tkun akkużata dwar ‘atteġġjament aggressiv u talli provokat l-inkwiet ‘ – bl-awtoritajiet Ċiniżi kemm-il darba jressqu din it-tip ta’ akkuża kontra l-attivisti f’pajjiżhom. Sar magħruf ukoll, issa, li Zhang kienet marret f’Wuhan fi Frar fejn irrappurtat dwar ‘ħafna stejjer relatati mal-coronavirus’.

Zhang Zhan mhix l-ewwel ġurnalista Ċiniża li spiċċat fl-inkwiet talli rappurtat dwar il-firxa tal-infezzjonijiet f’Wuhan waqt il-coronavirus.

Dan meta kienu ‘sparixxew’ talanqas tliet ġurnalisti oħra fi Frar – b’wieħed minnhom, Li Zehua, ifeġġ mill-ġdid f’April fejn qal li ‘kien għaddej minn perjodu ta’ kwarantina’.

Sar magħruf li ġurnalista ieħor, Chen Qiushi, kien tpoġġa ‘taħt is-superviżjoni tal-Gvern Ċiniż’ u sallum ħadd ma jaf x’għadda mit-tielet ġurnalista, bl-isem Fang Bin.Intant, l-awtoritajiet fiċ-Ċina huma magħrufin għall-azzjonijiet ‘drastiċi’ fil-konfront tal-attivisti li jitkellmu pubblikament dwar l-‘issues sensittivi’, fosthom il-pandemija tal-Covid-19.