Lokali Parlament

Il-persuni ta’ fiduċja fil-ministeri għandhom ikunu l-eċċezzjoni mhux ir-regola

Karol Aquilina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilia sostan fil-parlament li l-persuni ta’ fiduċja fil-ministeri għandhom ikunu l-eċċezzjoni mhux ir-regola

Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Ħatra ta’ Persuni ta’ Fiduċja, Karol Aquilina qal li s-sistema tal-ħatriet tal-persuni ta’ fiduċja fil-ministeri ma kienitx regolata bil-liġi u sostna li din is-sistema kellha l-vantaġġ li meta ministru jispiċċa n-nies tiegħu jispiċċaw miegħu u ma jibqgħux piż fuq il-gvern.

F’ċertu setturi hemm bżonn persuni ta’ fiduċja iżda din għandha tkun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-liġi issa tispeċifika li impjegati tal-gvern jew tal-awtoritajiet mhux se jaqgħu taħti d-definizzjoni tal-liġi jekk jingħażlu biex imorru fil-ministeru u għalhekk ma jistgħux ikunu investigati mill-Kummissarju għall-Istandards.

Hu qal li l-liġi se toħloq sitwazzjoni fejn meta ma japplika ħadd, il-ministru jagħżel hu u jagħmillhom kuntratti għal sena. Il-persuni ta’ fiduċja m’għandhomx ikunu r-regola iżda eċċezzjoni kbira, sostna Karl Aquilina, li qal li l-Kummissarju għall-Istandards għandu jtemm ir-rwol tiegħu jekk jibda investigazzjoni u mhux ikollu jgħaddih lill-Kummissarju tal-Pulizija u hu jieqaf.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li din il-liġi qed issir b’intenzjonijiet ħżiena u spjega kif saru diversi inġustizzji ma’ persuni b’opinjonijiet differenti minn dawk tal-gvern.