Lokali Parlament

Il-persuni ta’ fiduċja għandhom ikunu ngaġġati għall-ġid komuni

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal fil-parlament li l-persuni ta’ fiduċja għandhom ikunu ngaġġati fil-ministeri għall-ġid komuni u mhux biex il-gvern idaħħalhom jaħdmu miegħu għal skopijiet oħra.,

Fil-parlament Adrian Delia tkellem dwar is-separazzjoni tal-poter u sostna li hu tajjeb li l-ministri jkunu jistgħu jafdaw nies li huma jagħżlu iżda għandu jkun hemm linja bejn il-ħtieġa u l-abbuż.

Hu qal li l-poplu għandu jkollu s-serħan tal-moħħ dwar il-ħtieġa li jkunu ngaġġati dawn in-nies; fis-servizz tal-ġid komuni u mhux biex jintużaw b’mod ġenerali biex jiddaħħlu n-nies mal-gvern.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern daħħal biss lin-nies li ried biex iwassal is-sistema korrotta tiegħu li biha ried jasal bil-ħażen. Dan itteterjora l-prinċipji kollha ta’ dawn l-ingaġġi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li dan l-abbozz juri l-falliment tal-gvern.

Il-poplu jixraqlu li l-ministri jdaħħlu persuni abbli li jwasslu lill-pajjiż fejn impjegati normali ma jwassluħx.

Jeħtieġ li l-iżbalji li saru mill-abbużi li wettaq il-gvern, issa jkunu rranġati u solvuti. Irid ikun aċċertat li jkun hemm l-aqwa persuni bħala persuni ta’ fiduċja iżda biex dan isir irid ikun bidla kbira fil-liġi preżenti, sostna Adrian Delia, li kompla li dan għandu jsir biex tingħata l-protezzjoni liċ-ċittadini.