Lokali Qorti

Illiberat fuq ġrieħi gravi għax aġixxa b”self defence’

Aaron Cassar, 40 sena minn Birżebbuġa, ġie lliberat minn akkużi li kkaġuna ġrieħi gravi fuq Deniro Magri mingħajr l-intenzjoni li joqtlu jew li jpoġġi ħajtu f’periklu serju. Dan kollu seħħ wara ġlieda fil-Belt Valletta bil-Qorti tgħid li l-komportament ta’ Cassar kien biex jiddeffendi lilu nniffsu.

Huwa ma nstabx ħati li wettaq dan ir-reat fit-8 ta’ Jannar 2018 fi Triq ir-Repubblika. Ma nstabx ħati wkoll li kiser il-kundizzjonijiet preċedenti tal-Qorti, li kiser il-paċi pubblika u li sar reċidiv.

Fil-Qorti ħareġ kif Cassar u Magri b’kumbinazzjoni ltaqgħu il-Belt, bit-tnejn li huma jkunu fil-kapitali minħabba każ li kellhom quddiem il-Qorti Kriminali. Il-ġlieda seħħet qabel huma daħlu fil-bini tal-Qorti.

Fil-ġlieda Magri ndarab, u spiċċa jirċievi kura fl-isptar Mater Dei għal xi ksur li ġarrab. Id-difiża dejjem argumentat li kien hemm provi bis-CCTV li juru dak kollu li ġara, li Magri kien beda l-ġlieda.

Mill-provi fil-Qorti ħareġ li dak inhar tal-ġlieda, Cassar kien mitlub jixhed f’ nofsinhar f’kumpilazzjoni kontra Deniro Magri. Ghall-habta tal-11.30am waqt li kien miexi lejn il-Qorti Aaron Cassar ltaqa ma’ Deniro Magri u hemm għaqad kollox.

Deniro Magri sofra minn ksur f’siequ u daqqiet f’ wiccu filwaqt li Cassar kellu griehi ma’ wiccu, f’għajnejh u gidma f’ idejh ix-xellugija. Deniro Magri kien sofra ksur tal-għaksa x-xellugija u kellu bżonn intervent mediku.

Mark Portelli, espert ortopediku nominat mill-Qorti li eżamina lil Deniro Magri disa’ xhur wara l-inċident u qal li dan kien għad kellu wġiegh f’ partijiet tal-għaksa u stqarr li jista’ jkun il-każ li fil-futur Deniro Magri jkollu bżonn intervent ieħor biex titnaddaf l-għaksa minn ġewwa.

Ikkonferma li l-ksur li sofra Deniro Magri huwa kompatibbli ma’ daqqiet diretti fuq l-għaksa u anke ma’ riwi ħażin tal-għaksa li kkaġuna debilità permanenti.

L-Ispettur Keith Arnaud, illum Supretendent kien qal fil-Qorti li l-imputat u Magri kienu jafu lil xulxin ghaliex fi Frar tal-2018 persuna mhux magħrufa ppruvat taħraq il-bieb tar-residenza ta’ Deniro Magri.

Matul dan l-inċident kien inqatel persuna u Deniro Magri kien ġie mixli b’dan il-qtil. Cassar kien tressaq bħala wieħed mill-persuni li allegatament ippruvaw jaħarqu l-bieb ta’ Deniro Magri.

Deniro Magri, ta’ 30 sena mill-Marsa kien ġie mixli bil-qtil ta’ Sylvester Farrugia, il-ġuvni ta’ 25 sena miż-Żurrieq li nstab mejjet fit-12 ta’ Frar tal-2017 fi Triq Simpson fil-Marsa.

Sadanittant Arnaud kien ġabar diversi filmati tas-CCTV meħuda mill-cameras ta’ hwienet u stabbilimenti li jinsabu fi Triq ir-Repubblika li ġew esebiti u mal-ewwel daqqa t’għajn tidher id Deniro Magri ixxejjer daqqa ta’ ponn.

Diversi xhieda mressqa mill-Prosekuzzjoni, inkluż familjari ta’ Deniro Magri, xehdu li ma rawx min ta l-ewwel daqqa. Deniro Magri xehed fil-Qorti u qal li l-imputat mar fuqu u qallu minn taħt l-ilsien li kien għadu ma ħelisiex.

Wara bdew jargumentaw u ġew fl-idejn. Riżultat tal-ġlieda sofra ksur f’siequ u dam madwar xahar u nofs biex fieq iżda għadu ma ġiex kif kien qabel. Huwa ma kienx jaf jispjega kif ġarrab il-ġrieħi peress li kienu qed jiġġieldu.

L-imputat għażel li ma jixhidx f’ dawn il-proċeduri iżda rrilaxxja stqarrija fejn stqarr li Deniro Magri mar fuqu u tah daqqa ta’ ponn fuq wara ta’ rasu, waqa’ mal-art u beda jdaħħal subgħajh f’għajnu.

Cassar qal li wara qabad jagħti lil Deniro Magri għaliex ma kellux alternattiva oħra. Ċaħad li kiser sieq Deniro Magri iżda spjega li dan seta’ kisirha meta Magri waqa’ mal-art.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli qalet li minn wieħed mill-filmati tas-CCTV irriżulta li kien Deniro Magri li deher ixxejjer daqqa ta’ ponn. Fid-dawl ta’ dan kollu u fin-nuqqas ta’ provi, il-Qorti qalet li hija tqis li ma kienx l-imputat li beda l-ġlieda.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna u s-Supretendent Keith Arnaud u għal Cassar deher l-Avukat Arthur Azzopardi.