Lokali

“Kulħadd irid iġorr ir-responsabbilta’ li nerġgħu nsaħħu mill-ġdid ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna” – PN

“Pajjiżna jrid jgħaddi mill-eżami tal-Moneyval biex ma jbatux iż-żgħażagħ u l-professjonisti fis-settur finanzjarju” – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech

“Jeħtieġ li kulħadd iġorr ir-responsabbilta’ li nsaħħu mill-ġdid ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Għalhekk irridu naħdmu b’impenn sabiex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet biex insalvaw u nsostnu s-settur tas-servizzi finanzjarji li minnu jiddependi l-għixien ta’ eluf ta’ żgħażagħ u professjonisti, bħall-accountants.” Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa mal-Malta Institute of Accountants illum.

Bernard Grech tenna wkoll li jrid ikun hemm bidla fil-kultura li s-soluzzjonijiet jaslu biss mingħand il-politiċi, għaliex ir-reputazzjoni ta’ pajjizna hija r-responsabbilta’ ta’ kull persuna u għalhekk dan hu piż li għandu jinġarr minn kulħadd.

Il-politiċi iżda għandhom jifhmu l-importanza li jaħdmu u jħarsu ‘l quddiem sabiex is-settur tas-servizzi finanzjarji jibqa’ jiġi sostnut u jibqa’ jiħi msaħħaħ, u hu propju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista, li welled dan is-settur, għandu l-obbligu li jibqa’ jitkellem u juri fejn l-affarijiet ma jsirux kif suppost bħal fil-każ tal-hatra taċ-Chairman tal-FIAU, li kellu jsegwi l-proċess tiegħu skont il-liġi.


Matul din il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej Kristy Debono u l-President tal-Forum Professjonisti PN (FPPN) Graham Bencini. Id-delegazzjoni tal-Malta Institute of Accountants kienet immexxija mill-President Fabio Axisa