Lokali Qorti

Kundannat sena ħabs wara li ħaqar debba

In-Niġerjan Robert Omo ta’ 22 sena li għadda proċeduri fuq moħqrija tal-annimali ġie kundannat sena ħabs u mmultat €3,000 mill-Maġistrat Joe Mifsud li sabitu ħati ta’ moħqrija fuq debba. Omo iżda ma nstabx ħati mhux li kellu x’jaqsam mal-istess debba, anke jekk fil-liġi l-bestjalità mhuwiex att kriminali.

Huwa kien qed jiġi mixli fil-Qorti ta’ Għawdex li fit-30 ta’ Settembru li għadda daħal f’razzett fix-Xewkija u pprova jkollu x’jaqsam ma’ debba u li offenda l-pudur b’għemil li sar f’post espost u talli għamel ħsara fi proprjetà privata.

Il-Qorti qagħdet fuq filmat li ġie esebit li juri lil Omo isawwat lid-debba b’oġġett iebes, jagħtiha bis-sieq u saħansitra waddbilha tyre. Il-Maġistrat Mifsud qal li fil-filmat esebit  jidher b’mod ċar l-imputat waddab rim u tyre ta’ karozza lejn id-debba.

Il-Qorti qalet li ma temminx lill-imputat li qal li kellu bżonn jagħmel il-bżonnijiet naturali tiegħu u d-debba bdiet tersaq lejh. Anzi mill-filmat jidher li l-imputat jidher javviċina aktar minn darba lejn id-debba u li ħareġ u daħal aktar minn darba, u avviċinaha fi bnadi differenti fejn din imxiet.

Il-Qorti qalet ukoll li għandu jintbagħat il-messaġġ lil dawk il-persuni li jwettqu atti ta’ moħqrija fuq l-annimali għaliex dawn mhux aċċettabbli. Fakkret li anke l-annimali għandhom id-drittijiet tagħhom u li l-bniedem huwa obbligat li jħarishom.

Meta l-Qorti qieset iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u mill-provi miġjuba rriżulta li kien hemm moħqrija fuq id-debba fejn Omo sawwatha billi taha bis-sieq, u waddbilha oġġetti iebsa.

Omo mhux biss instab ħati ta’ moħqrija fuq id-debba, iżda wkoll li għamel ħsara fi proprjetà privata. Minkejja li l-Qorti ma sabitx lill-akkużat li kellu x’jaqsam mad-debba, tenniet li l-inkwiet u t-tħassib tar-raħħal, sid id-debba, seta’ kien ġustifikat.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ħeġġeġ lill-Bord tal-Appelli tar-Refuġjati biex sakemm l-imputat iservi din is-sentenza, l-każ tiegħu minn fejn il-Kummissarju tar-Refuġjati fis-17 ta’ Ottubru 2019 iddeċidiet li l-imputat għandu jagħmel l-applikazzjoni għall-ażil l-Italja u mhux f’Malta, tkun deċiza.

Dan kollu biex immedjatament meta jiskonta s-sentenza jkun deportat lejn l-Italja minn fejn kien qabel ġie Malta. Iż-żagħżugħ kien ġie arrestat l-għada tal-każ wara li kien ntlemaħ idur fl-akwati tar-razzett fejn seħħ l-allegat att.

Jirriżulta li sid ir-razzett għaraf l-imputat u prova jżommu bid-diskors. Kien żammu bid-diskors, ħalli ma jitlaqx. Meta Omo telaq, dan kien baqa’ jiġi segwit, sakemm ġew il-Pulizija u arrestawh barra s-supermarket tal-LIDL li hemm barra r-Rabat, Għawdex.

Huwa kien tressaq il-Qorti mill-Ispettur Bernard Charles Zammit. Id-debba, li ġiet maħqura kienet imgerxa u dan ġie nnutat mir-raħħal meta mar biex jagħlef il-bhejjem.

Ir-raħħal saħaq kien dispjaċut b’dak li ġara għaliex il-bhejjem li għandu jħobbhom b’imħabba kbira. “Aħna dawk il-bhejjem parti mill-familja tagħna, inħobbuhom daqs id-dawl t’għajnejna.” kien qal ir-raħħal lill-Pulizija.