Futbol Sport

L-aħħar partita għat-tim Malti mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej

(Ritratt: MFA)

It-tim Malti ta’ taħt il-21 sena aktar tard waranofsinhar jilgħab l-aħħar partita mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej minn Grupp 8 meta fis-Centenary Stadium jilgħab kontra l-Fillandja.

Din il-partita se tkun l-aħħar waħda għal numru ta’ plejers li jinsabu fl-iskwadra nazzjonali ta’ taħt il-21 sena hekk jaqbżu l-età massima. S’issa t-tim Malti ma kellux l-aħjar esperjenza f’dan il-grupp hekk kif minn disa’ logħbiet kiseb punt biss fi draw ta’ 0-0 kontra l-Irlanda ta’ Fuq. It-tim imexxi minn Silvio Vella fl-aħħar partita tiegħu tilef 4-1 kontra l-Ukranja b’żewġ gowls tal-Ukreni jaslu lejn it-tmiem. Il-Fillandja wkoll tilfu fl-aħħar partita barra minn darhom kontra d-Danimarka bl-iskor ta’ 2-1. F’dan il-grupp, Malta sofriet 29 gowl u skorjat erba’ gowls. Il-gowls waslu fil-partita kontra d-Danimarka away f’telfa ta’ 5-1, kontra d-Danimarka home f’telfa ta’ 3-1, kontra r-Rumanija away f’telfa ta’ 4-1 u fl-aħħar partita home kontra l-Ukranja f’telfa ta’ 4-1.

It-tim Malti se jkun qed jittama li jtemm din l-esperjenza fuq nota pożittiva fejn jinsab fil-qiegħ tal-klassifika b’punt wieħed biss. Għall-Fillandja l-partita hija bla storja wkoll u se jkunu qed jutilizzaw numru ta’ plejers li se jkunu disponibbli għall-edizzjoni li jmiss.