L-Uragan Iota, fl-aħħar sigħat, kien qed iħalli ħerba kbira fil-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali fejn issemma bħala l-aktar uragan b’saħħtu ta’ din is-sena fir-reġjun tal-Atlantiku. Fil-fatt, l-Uragan Iota hu biss it-tieni uragan li laħaq il-livell ta’ kategorija ‘ħamsa’ matul ix-xahar ta’ Novembru, mill-1932 ‘il hawn.
L-aħħar rapporti rreferew għal irwiefen u ħalbiet kbar tax-xita ġenerati mill-uragan fin-Nikaragwa. Il-qawwa tal-elementi kienu tant li f’inċident partikulari, il-pazjenti ta’ sptar fl-inħawi ta’ Puerto Cabezas kellhom ikunu evakwati mill- wara li s-saqaf tal-kumpless litteralment tqaċċat bil-qilla tal-irwiefen. Il-maltemp anki qaċċat is-soqfa tad-djar minbarra li ħalla wkoll ‘il-widien tal-għargħar’.
Il-maltemp, issa, qed javviċina n-nofsinar tal-Honduras u minkejja li l-elementi qed inaqqsu mill-qawwa, l-uffiċjali meteoroloġiċi wissew dwar ‘il-potenzjal ta’ spinta ġdida fil-maltemp, fost l-irwiefen katastrofiċi, valangi tal-art u inċidenzi ta’ għargħar għall-għarrieda’.
Qabel laqat lill-Amerika Ċentrali, l-Uragan Iota kien għadda mill-gżira ta’ Providencia – parti mit-territorju tal-Kolombja – bir-riżultat li nqatgħet il-provvista tal-elettriku, fost rapporti dwar ‘talanqas persuna mejta’. Il-President Kolombjan, Ivan Duque, qal li l-maltemp ikkaġuna ħsara għal 98 fil-mija tal-infrastruttura fi Providencia, fejn qed jgħixu mal-5,000 persuna.
//= $special ?>