Lokali Qorti

Qabbad persuna taħraq karozza għax ġie ngannat

Kuntrattur mill-Għasri ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li qabbad ħabib tiegħu jaħraq karozza ta’ raġel li kien qed joħroġ ma’ dik li kienet il-maħbuba tiegħu għal 11-il xahar.

L-inċident seħħ wara li din il-mara ngannatu minkejja dak kollu li għamel magħha rigward problemi ta’ saħħa li qalet li kellha, meta dan ma kien minnu xejn.

Joseph Portelli ta’ 51 sena ammetta li fil-5 ta’ Settembru li għadda sar kompliċi f’reat meta karozza kienet ġiet mogħtija n-nar minn persuna mqabbda minnu u dan biex ipattiha lil raġel li miegħu kienet ilha toħroġ mal-mara li ngannatu.

Il-ħruq tal-karozza propjetà ta’ George Azzopardi tal-marka Mazda seħħ fi Triq il-Kbira Ħal-Qorti bejn is-2.30am u t-3.30am. Portelli ammetta li għamel ħsara fil-karozza ta’ aktar inn €250 iżda anqas minn €2,500.

Huwa ammetta wkoll li sar reċidiv wara li nstab ħati ta’ diversi sentenzi mogħtija lilu. Portelli xehed quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace, liema xhieda ma tistax tiġi rrapputata fuq ordni tal-Qorti peress li għaddejja investigazzjoni fil-konfront ta’ persuni oħrajn relatati ma’ dan il-każ.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras u Jeffrey Scicluna filwaqt li għal Portelli deheru l-Avukati Joe Brincat u Mario Mifsud. Persuna li ħarqet il-karozza wara li tħallas minn Portelli biex iwettaq dan l-att mistennija titressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.