Malta 1 Gżejjer Faroe 1
Id-diżappunt li nħass mat-tmiem tal-partita mill-Maltin, ma kienx sentiment instigat minn prestazzjoni negattiva, iżda għaliex kontra l-Gżejjer Faroe tassew konna sfortunati. Din kienet lejla unika għall-futbol Malti, fejn anke dawk mhux dilettanti tal-futbol lokali, segwew b’interess id-90 minuta sħaħ tal-Maltin, u li fihom bqajna nittamaw sal-aħħar għal promozzjoni storika f’Diviżjoni C.
Fl-aħħar mill-aħħar, jista’ jagħti l-każ li dro kien l-aktar riżultat ġust għaliex iż-żewġ naħat kellhom il-mument tagħhom fil-partita, iżda meta tara lil Malta tilgħab aħjar mill-avversarji fit-tieni taqsima, konna aggressivi, morna fil-vantaġġ u saħansitra konna viċin gowl ieħor, biex imbgħad soffrejna gowl tad-dro li għarraq il-ħolma l-ħolm tal-Maltin, bilfors tgħid li stajna ħriġna b’rebħa minn din il-partita. Kieku erbaħna konna niksbu promozzjoni storika għal Diviżjoni C tal-UEFA Nations League.
Fl-ewwel taqsima l-Faroe kienu aħjar, iżda l-Maltin konna dixxiplinati. Wara l-mistrieħ għarafna ntejbu fuq in-nuqqasijiet tal-ewwel 45 minuta u ħriġna b’saħħitna u determinati li niskorjaw u niksbu rebħa, tant li wara disa’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, morna fil-vantaġġ grazzi għall-gowl sabiħ ta’ Matthew Guillaumier, li kien l-ewwel wieħed tiegħu ma’ Malta.
Sentejn ilu ż-żewġ pajjiżi lagħbu kontra xulxin għall-aħħar post fil-grupp
Ironikament Malta u l-Gżejjer Faroe kienu qed jerġgħu jilgħabu kontra xuxlin fl-aħħar partita tal-grupp ta’ din il-kompetizzjoni l-istess bħal m’għamlu sentejn ilu fl-ewwel edizzjoni tal-UEFA Nations League. F’Novembru tal-2018, f’Ta’Qali ukoll, Malta u l-Gżejjer Faroe kienu temmew dro ta’ 1-1, f’partita li dak in-nhar iddeċidiet min kien se jispiċċa l-aħħar fil-grupp. Din id-darba, id-dwell dirett bejn dawn iż-żewġ pajjiżi kellu jiddeċidi r-rebbieħ tal-grupp.
Steve Borg l-unika bidla ta’ Mangia
Mir-rebħa ta’ kontra Andorra, kowċ Mangia wettaq biss bidla waħda fil-formazzjoni inizjali tal-Maltin, hekk kif id-difensur ta’ 32 sena, Steve Borg irritorna fl-iskwadra wara li skonta sospensjoni ta’ partita, u ħa post Karl Micallef, b’dan tal-aħħar kellu 90 minuta tajbin kontra Andorra. Mill-bqija, it-Taljan ħalla kollox l-istess, b’sistema ta’ 3-4-2-1.
Borg kien wieħed mit-tliet ċentrali ta’ wara, flimkien ma’ captain Andrei Agius u ż-żagħżugħ Slimiz Kurt Shaw. F’nofs il-grawnd, it-tnejn ċentrali reġgħu kienu Teddy Teuma u Matthew Guillaumier, b’Ryan Camenzuli u Joseph Mbong mal-faxxex tax-xellug u l-lemin rispettivament. Fil-fażi offensiva ta’ Malta, l-iskorer fl-aħħar partita, Jurgen Degabriele żamm postu, flimkien mal-efikaċi ta’ Colchester United, Luke Gambin. Dawn it-tnejn kienu ta’ appoġġ għall-punta ewlenija tal-Maltin, Luke Montebello.
Bidu tal-partita: il-Faroe jibdew b’saħħithom
Erba’ minuti mill-ftuħ tal-partita u l-Maltin irriskjajna penalty kontra tagħna meta Meinhard Olsen xeħet kross fil-baxx minn fuq ix-xellug ta’ Henry Bonello, Viljormur Davidsen mar għall-ballun, iżda l-markatura ta’ Joseph Mbong telfitu l-bilanċ, bil-gowlkiper Malti ħareġ jagħlaq tajjeb. Ir-ripetizzjonijiet ta’ din l-azzjoni fuq it-televiżjoni, jitfgħu dubju jekk il-kuntatt ta’ Mbong fuq l-avversarju kienx wieħed ta’ fawl. Kien x’kien pero, l-importanti għal Malta li r-referee ħalla l-logħob għaddej.
Kontra dak li rajna mill-Maltin fil-partiti preċidenti, sa mill-bidu tal-konfront kienu l-avversarji li beda’ jkollhom aktar pusses tal-ballun f’saqajhom iżda l-plejers tagħna ma kienux passivi. Bdejna nikkontrollaw tajjeb is-saħħa tal-Gżejjer Faroe, nassorbu l-pressjoni tagħhom fl-attakk u mingħajr ma nipprendu lill-avversarju, bdejna nkunu kreattivi fil-fażi offensiva.
Il-Maltin nassorbu l-pressjoni u bqajna dixxiplinati
Fl-34 minuta, il-Faroe resqu viċin il-gowl iżda konklużżjoni ta’ Brandur Hendriksson kienet salvata b’mod spettakolari minn Bonello, li kien attent biex dawwar f’corner. Lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima, l-avversarji tagħna komplew iżidu l-pressjoni tagħhom fl-attakk, madankollu l-Maltin bqajna kompatti, u b’mod kollettiv għalaqna kull spazju possibli lill-Faroe. Jóannes Bjartalíð f’tliet okkazzjonijiet differenti inkwieta lill-Maltin, b’konklużżjonijiet mid-distanza.
Fl-ewwel 45 minuta, Malta kelna 49 fil-mija tal-pusses bil-ballun, filwaqt li kkonkludejna tliet darbiet lejn il-lasta kontra s-sitt okkażżjonijiet li kellhom il-Faroe. L-avversarji kienu aħjar iżda l-Maltin kellna l-merti tagħna, b’dixxiplina tattika fil-fażi difensiva u ma ddejaqnix nippruvaw nilgħabu l-ballun u nfittxu li noħolqu l-azzjonijiet tagħna. Madankollu konna batuti fil-mument ta’ transazzjoni bil-ballun.
Malta aħjar mal-bidu tat-tieni taqsima
Malta żammet l-istess formazzjoni mal-bidu tat-tieni taqsima u sa mill-ewwel sekondi dehrna aktar aggressivi u bl-għatx għall-gowl. Ma nafx qalhom Mangia lill-plejers fid-dressing room, iżda kien x’kien id-diskors, il-Maltin ħarġu b’motivazzjoni akbar.
Jgħaddu sitt minuti logħob, u Mbong daħal lejn in-nofs, għadda ballun tajjeb fil-kaxxa lejn Gambin, li f’posizzjoni regolari u mhux ta’ offside, xeħet wara l-gowlkiper Teitur Gestsson. Gowl, iżda le. L-assistant referee deher jgħolli l-bandiera għal offside u ċaħħad lill-Maltin minn gowl leġittimu. Vera li kienet deċiżjoni millimetrika, speċjalment meta terġa’ tara r-ripetizzjoni tal-azzjoni, iżda żgur li Gambin ma kienx wara d-difensur avversarju.
L-ewwel gowl ta’ Guillaumier ma’ Malta
Iżda tliet minuti wara pattejna għal din l-inġustizzja u b’mod meritat skorjajna l-gowl tal-vantaġġ, u din id-darba kkonvalidat mir-referee mill-Estonja. Kienet azzjoni ta’ free-kick mogħti minn Teuma, Davidsen naqas milli jtajjar il-ballun ‘il bogħod mill-periklu, il-clearance avversarja ġiet f’saqajn GUILLAUMIER li kien f’tarf il-kaxxa ‘l kbira, u b’kordinazzjoni perfetta xxutja dirett lejn il-lasta, bil-ballun jibqa’ dieħel ġewwa għall-gowl tal-vantaġġ ta’ Malta. Kien gowl li nissel ewforija kbira mill-ftit Maltin f’stadium vojt. Kieku l-COVID-19 qatt ma eżista, min jaf x’għajta kienet tkun f’Ta’ Qali.
Vantaġġ li gawdejniħ biss għal kwarta
Ġara iżda li dommna ngawdu t-tomgħa tal-promozzjoni għal diviżjoni oħra għal kwarta biss għaliex fid-69 minuta l-Faroe skorjaw il-gowl tad-dro meta Sølvi Vatnhamar għadda pass tajjeb lejn in-nofs tad-difiża Maltija, u s-sostitut ARI MOHR JONSSON, li kien ilu biss disa’ minuti fil-grawnd, daħal tajjeb biex tefa’ il-ballun wara Bonello. Il-Faroe jiskorjaw id-dro u f’Ta’ Qali waqa’ skiet perfett.
Żewġ minuti wara dan il-gowl, Bonello reġa’ kien deċiżiv għall-Maltin, meta salva konklużżjoni minn barra ta’ Olsen. Fil-75 minuta, Mbong kien viċin il-gowl tal-vantaġġ Malti, iżda Gestsson ħareġ jagħlaq tajjeb fuq il-plejer ta’ Ħamrun Spartans.
Minkejja li soffrejna l-gowl…il-Maltin bqajna l-aħjar
M’hemmx dubju li fit-tieni 45 minuta, il-Maltin konna l-aħjar u għal dak li rnexxilna nagħmlu kien jistħoqilna nirbħu. Konna proattivi, avventurużi, aggressive u kreattivi ukoll. Ħames minuti mid-90 minuta, Guillaumier kellu xutt ieħor minn barra li iżda l-gowlkiper tal-Faroe, bi bravura dawwar f’corner.
Il-Maltin bqajna l-aħjar, sal-aħħar sekonda tal-partita. Bqajna motivati għall-gowl iżda f’ċirkostanzi bħal dawn, l-urġenża u l-ħin ikunu fatturi li ma jgħinux. Il-Faroe kienu biss reattivi għal dak li konna qed nagħmlu aħna. L-avversarji ddefendew tajjeb u żammewna milli niskorjaw. Il-plejers tagħna ppruvaw minn kollox iżda l-gowl baqa’ ma wasalx u meta r-raba’ uffiċjal tal-partita, mad-90 minuta beda’ juri li se jagħti tliet minuti ta’ ħin miżjud, Mangia deher irrabjat u bir-raġun.
Mangia deher mhux kuntent bid-deċiżjonijiet tar-referee
Wara l-partita, l-istess Mangia kien attent kif jitkellem dwar il-kontrol tar-referee mill-Estonja, iżda kien evidenti li ma kien sodisfatt xejn mid-deċizjonijiet li ħa. Wara li fallejna bi ftit il-promozzjoni, wieħed jibqa’ xettiku dwar kemm kienu ġusti d-deċiżjonijiet tal-gowl li tħassar lil Gambin, u żewġ azzjonijiet ta’ penalties li ma kienux mogħtija lil Malta.
Agħfas hawn biex issegwi l-konferenza stampa ta’ Mangia ta’ wara l-partita.
Il-Faroe jiksbu promozzjoni storika
Tmiem il-partita ta bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers u l-istaff tekniku tal-Faroe li bid-dro ta’ kontra Malta, huma temmew il-grupp mingħajr telfa u promozzjoni għal Diviżjoni C. Għalkemm ma ksibnix il-promozzjoni, hu fatt li d-disa’ punti miksuba f’dan il-grupp juru biċ-ċar li f’din il-kompetizzjoni, it-tim nazzjonali tagħna beda’ juri sinjali ta’ progress u l-klassifika finali f’dan il-grupp tal-UEFA Nations League, tagħtina kuraġġ għall-futur.
Malta kelna 55 fil-mija tal-pusses
L-istatistika ma tigdibx, iżda turi l-veritá ta’ dak li seħħ fil-ġurnata. Malta tant kemm konna aħjar fit-tieni taqsima, talli wara li l-Gżejjer Faroe kellhom pusses bi ftit aktar minn Malta fl-ewwel taqsima, sat-tmiem tal-logħba konna aħna li kelna l-akbar peresentaġġ ta’ ballun f’saqajna tul id-90 minuta; 55 fil-mija kontra l-45% tal-avversarji Faroe. Aktar minn hekk, fit-tieni 45 minuta ħloqna aktar, u komplessivament kelna seba’ konklużżjonijiet lejn il-lasti tal-Faroe filwaqt li huma kellhom għaxra.
Minkejja li ma ksibnix ir-riżultat mixtieq, għas-seba’ partita konsekuttiva Malta baqgħet bla telfa u li minnhom erbaħna f’erba’ logħbiet. Din kienet it-tmien partita ta’ Mangia minn kemm ilu li ħa t-tmexxija tal-iskwadra nazzjonali f’idejħ u li matulhom tilef biss partita waħda. M’hemmx dubju li l-proġett ta’ Mangia qed jagħti l-frott u r-riżultati mixtieqa, iżda wieħed ukoll irid ikun ġust fl-analiżi tiegħu billi jirrikonoxxi li t-Taljan għaraf jagħmel użu tajjeb mit-tajjeb li sab f’dan it-tim partikolarment billi bħal predeċessur tiegħu, Ray Farrugia kompla jagħti fiduċja u spazju lit-talent żagħżugħ Malti. Dan hu aspett ieħor importanti li qed ikun effettiv, u li f’din il-kompetizzjoni tal-UEFA Nations League kien evidenti.
Din id-darba ma ksibnix il-promozzjoni għal Diviżjoni C, iżda żgur li ksibna l-aqwa ħaġa; kunfidenza u tama għall-futur li għandha tagħtina fiduċja li nħarsu lejn dak li jmiss b’aktar personalitá u pożittivitá. Il-ħolma Maltija li għexna f’dawn il-jiem mhux talli ma waqfitx hawn talli għadha biss fil-bidu nett tagħha.
Malta 1 | 1 Henry Bonello; 3 Ryan Camenzuli; 4 Steve Borg; 5 Andrei Agius (84 min 21 Shaun Dimech); 6 Matthew Guillaumier; 7 Joseph Mbong; 9 Luke Montebello (75 min 14 Kyrian Nwoko); 13 Kurt Shaw; 17 Teddy Teuma (78 min Stephen Pisani); 18 Jurgen Degabriele (84 min 22 Alexander Satariano); 20 Luke Gambin
Gżejjer Faroe 1 | 12 Teitur Gestsson; 3 Viljormur Davidsen; 6 Hallur Hansson (87 min 4 Bartal Wardum); 7 Jóannes Bjartalíð (61 min 19 Ári Mohr Jónsson); 8 Brandur Hendriksson; 9 Gilli Rólantsson; 10 Sølvi Vatnhamar; 11 Klæmint Olsen (81 min 14 Magnus Jacobsen); 15 Odmar Faerø; 16 Gunnar Vatnhamar; 18 Meinhard Olsen (88 min 21 Hedin Hansen)
Karti sofor | Kurt Shaw (Malta); Hallur Hansson (Gżejjer Faroe)
Skorjaw | 54 min Matthew Guillaumier (Malta); 69 min Ári Mohr Jónsson (Gżejjer Faroe)
Referee | Kristo Tohver (Estonja)
//= $special ?>