Lokali

Sena mill-kriżi politika tal-lejber

Minkejja li għaddiet sena mill-ewwel protesti li nżammu fit-toroq tal-Belt b’messaġġ kontra l-impunità fost l-esponenti tal-Gvern Laburista … u minkejja li għaddew 37 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia … il-Maltin u l-Għawdxin għadhom qed jistennew li ssir ġustizzja.

Dan jibqa’ l-messaġġ tas-soċjetà ċivili, sena wara li l-poplu niżel fit-toroq biex iwassal messaġġ qawwi lill-Gvern ta’ Joseph Muscat. Sena wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech minn fuq id-dgħajsa privata tiegħu, kif ukoll minn meta iċ-Chief of Staff ta’ Kastilja Keith Schembri kien waqqa’ libell li fetaħ hu stess għax ma riedx jinkrimina lilu nnifsu.

F’diversi okkażjonijiet, il-Maltin u l-Għawdxin inġabru quddiem il-bini tal-Parlament jew quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u talbu għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat u tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Missjoni li rnexxiet għax eventwalment, kemm Muscat kif ukoll Cutajar irriżenjaw. Madankollu, u wara sena minn dawk il-protesti, il-poplu għad għandu ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba.

Sena wara… l-organizzazzjonijiet Repubblika u Occupy Justice tellgħu xandira fuq Facebook, li matulha tennew is-sejħa favur l-ġustizzja, partikolarment fil-konfront ta’ Muscat, li sa qabel ma bdiet toħroġ il-verità, beda jsejjaħ lilu nnifsu Invictus.

Waqt ix-xandira, il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina qal li s-sitwazzjoni preżenti xejn ma hi feliċi, għalkemm qal li hu ottimist ħafna għall-futur … speċjalment wara li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kixef tmermir kbir fl-istituzzjonijiet.

Min-naħa tagħha, Louiselle Vassallo f’isem Occupy Justice qalet li hu importanti li l-messaġġi li s-soċjetà ċivili bdiet tliet snin ilu jibqgħu għaddejjin sakemm toħroġ il-verità kollha.

Fix-xandira pparteċipa wkoll l-Avukat Mark Fenech, li qal li għalkemm il-pajjiż qed jaqta’ l-frott tal-protesti ta’ sena ilu, fost l-oħrajn billi nfetħet l-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, irridu nirrikonoxxu li għadna ma wasalniex.

U l-Opinjonista Andre Delicata qal li mhux biżżejjed li Muscat u dawk qrib tiegħu refgħu r-responsabbiltà politika … hekk kif għad hemm bżonn li tintrefa’ wkoll ir-responsabbiltà kriminali.

Il-kelliema appellaw għal aktar integrità fil-politika, fejn hu meħtieġ li jsir dak li hu sewwa, anke fejn ma jidhirx. Qalu li jekk nieqfu nagħmlu dan, nirriskjaw li nitilfu l-ġustizzja, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.