Futbol Sport

Spanja b’sitt gowls kontra l-Ġermanja

(Ritratt: EPA)

Spanja ħatfu l-ewwel post ta’ League A Grupp 4 b’rebħa kbira ta’ 6-0 kontra l-Ġermanja, li kienet il-partita deċiżiva għal-quċċata tal-grupp. Alvaro MORATA fetaħ l-iskor wara kwarta logħob b’daqqa ta’ ras. Fit-33 minuta, Ferran TORRES ikkonkluda tajjeb wara daqqa ta’ ras ta’ Dani Olmo li ħabtet mal-lasta. Ħames minuti wara, l-Ġermanja ġew megħluba għall-darb’oħra b’daqqa ta’ ras ta’ Rodri HERNANDEZ. Fit-tieni taqsima, Ferran TORRES għaqqad it-tripletta b’gowls fil-55 minuta u fil-71 minuta. Il-gowl finali wasal fl-aħħar minuti tal-logħba permezz ta’ Mikel OYARZABAL.

Il-partita bejn l-Iżvizzera u l-Ukraina kienet postposta wara li tliet plejers tat-tim nazzjonali Ukren instabu pożittivi għall-coronavirus. Dawn huma Eduard Sobol, Yevhen Makarenko u Dmytro Riznyk, u jinsabu iżolati.

Franza aċċertaw ruħhom mill-ewwel post f’League A Grupp 3 wara li posthom fil-fażi li jmiss kien diġa sigur, b’rebħa ta’ 4-2 fuq l-Iżvezja. Viktor CLAESSON ta l-vantaġġ lill-Iżvediżi, iżda Oliver GIROUD ġab id-dro ftit minuti wara. Gowls ta’ Benjamin PAVARD u ieħor għal GIROUD dawru l-partita għal 3-1. Robin QUAISON ta t-tama lill-Iżvediżi għal rimonta, iżda Kingsley COMAN fl-aħħar sekondi aċċerta r-rebħa.

Fl-istess grupp, il-Portugall għelbu 3-2 lill-Kroażja minkejja li lagħbu l-maġġoranza tat-tieni taqsima b’raġel inqas. Doppjetta ta’ Mateo KOVACIC għal-Kroati kienet ikkanċellata minn gowls ta’ Ruben DIAS u Joao FELIX. Marko Rog intwera l-karta ħamra fil-51 minuta. Il-gowl deċiżiv għall-Portugall wasal fid-90 minuta permezz ta’ DIAS.