Internazzjonali

Stati Uniti: Joe Biden iwissi li ‘jistgħu jmutu aktar nies’ minħabba l-intoppi min-naħa ta’ Trump

Il-President-elett tal-Istati Uniti, Joe Biden, qed iwissi li n-nies kapaċi jitilfu ħajjithom f’sitwazzjoni fejn il-President Amerikan attwali, Donald Trump, ikompli jostakola l-amministrazzjoni ġdida milli tibda l-fażi tat-tmexxija fuq livell nazzjonali.

Biden, waqt diskors f’Delaware, sostna wkoll  li l-pajjiż jeħtieġ livell aħjar ta’ koordianzzjoni biex irażżan l-effetti tal-pandemija tal-Covid-19. Hu, fl-istess ħin, ikkritika bl-aħrax lill-President Trump għall-aġir tiegħu u qal li l-fatt li Trump ma jridx jirrikonoxxi t-telfa elettorali jirrifletti ‘irresponsbbiltà kbira min-naħa tiegħu’.

Joe Biden saħaq li Trump qed jinsisti b’din l-attitudni minkejja s-sejħiet kontinwi tad-Demokratiċi u personalitajiet mill-kamp tar-Repubblikani biex hu iwarrab fl-interessi tal-pajjiż. Dan meta l-uffiċjali nkarigati mill-kampanja ta’ Donald Trump  ippreżentaw rikorsi legali biex jikkuntestaw l-għadd tal-voti f’numru ta’ Stati Amerikani waqt l-elezzjoni presidenzjali tat-3 ta’ Novembru.

L-uffiċjali mal-kampanja ta’ Trump qed jippruvaw iġiegħelu lill-qrati jannullaw ir-riżultati tal-vot f’diversi ta’ Stati importanti. Huma qed jgħidu li ħafna mill-voti kienu invalidi jew spiċċaw magħduda ħażin — iżda sallum ma nstabu l-ebda provi dwar xi element sinifikanti ta’ frodi relatat mal-proċess elettorali.

Il-President-elett Biden għandu 306 mill-Kulleġġ Elettorali li jiddeċiedi r-riżultat tal-elezzjoni fl-Istati Uniti — u fejn hu għadda t-threshold tal-270 vot meħtieġa għar-rebħa. Madankollu, Donald Trump għadu s’issa joħroġ il-messaġġi fuq Twitter biex jgħid li ‘hu r-rebbieħ veru tal-elezzjoni’.

Intant, il-General Services Administration ( l-aġenzija tal-gvern inkarigata mit-tranżizzjoni bejn Gvern Amerikan u ieħor) għad trid tirrikonoxxi lil Biden u Kamala Harris, — is-sieħba tiegħu fuq it-tikketta tal-Partit Demokratiku l-kandidat għall-Viċi-Presidenza tal-Istati Uniti — bħala r-rebbieħa tal-elezzjoni.

F’din is-sitwazzjoni, Biden u Harris mhumiex ikollhom aċċess għall-proċessi ta’ aġġornament sensittivi fuq livell ta’ Gvern u li s-soltu hu prerogattiva għall-mexxejja ta’ amministrazzjoni li tkun qed tħejji biex tieħu r-riedni tal-Istati Uniti.

Is-sorsi qrib Biden qalu li l-fatt li Donald Trump qed jirrifjuta li jikkoopera fi proċess ta’ tranżizzjoni jfisser ukoll li l-uffiċjali ma’ Biden huma esklużi mill-ippjanar relatat għal strateġija għad-distribuzzjoni effettiva ta’ vaċċin għal kontra l-coronavirus.

Għaldaqstant, Joe Biden tenna li ‘mhux jeżaġera meta jgħid li intoppi bħal dawn għall-amministrazzjoni l-ġdida kapaċi jissarrfu f’ħajja mitlufa’, bis-sitwazzjoni titlob l-aħar livelli ta’ koordinazzjoni fuq bażi nazzjonali.

Joe Biden kompla li d-distribuzzjoni ta’ vaċċin madwar l-Istati Uniti tinvolvi impenn enormi. Hu wissa li jekk in-nies ta’ madwaru b’sehem f’dan l-impenn ikollhom jistennew sal-20 ta’ Jannar biex jibdew jaħdmu fuq programm ta’ distribuzzjoni, il-proċess x’aktarx jaqa’ lura b’massimu ta’ ta’ xahar u nofs. L-20 ta’ Jannar hi d-data stabbilita għall-inawgurazzjoni tal-President ġdid tal-Istati Uniti.