Lokali Qorti

Stqarrija ta’ raġel akkużat b’attivitajiet sesswali ma’ tifla se titneħħa minn prova

Il-Qorti Kriminali laqgħet talba ta’ raġel ta’ nazzjonalità barranija u li għandu propjetà f’Malta, li stqarrija li huwa kien ta lill-Pulizija fuq atti sesswali li allegatament ikkommetta ma’ tifla ta’ 11-il sena, titneħħa mill-proċess u ma tinġiebx bħala prova fil-konfront tiegħu

Għaldaqstant din il-prova mhux se tkun tista’ tinġieb kontra Christoph Doll li qed jistenna d-data biex jgħaddi ġuri fuq akkużi li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minorenni.

Il-każ kien ġie żvelat lilll-Pulizija fis-26 ta’ Novembru tal-2015 meta omm it-tifla marret magħha fl-għassa tar-Rabat biex tagħmel rapport fil-konfront ta’ Doll li dak iż-żmien kellu 31 sena.

It-tifla allegat li hi u Doll, li kien ħabib tal-familja tat-tifla kellhom atti sesswali flimkien diversi drabi fir-residenza tiegħu fir-Rabat. Ir-raġel u t-tifla ltaqgħu għall-ewwel darba waqt festin u minn hemm ‘il quddiem huwa sar ħabib tal-familja tagħha.

It-tifla kienet tikkomunika ħafna ma’ Doll fuq il-Facebook u fuq il-Messenger u skont l-akkużi fil-konfront tar-raġel kienu jitkellmu ta’ spiss fuq temi sesswali.

Bil-permess tal-ġenituri tagħha li kienu jafdaw lil Doll it-tifla kienet tmur id-dar tiegħu fejn allegatament kienu involuti f’sess orali fil-kamra tas-sodda u fix-shower.

Skont it-tifla huwa kien anke talabha tibgħatlu ritratti tagħha bla ħwejjeġ fuq WhatsApp u huwa kien jibgħatilha ritratti tiegħu bl-istess mod. Kien ukoll jibgħatilha ritratti ta’ nisa oħra bla ħwejjeġ.

Kien wara li t-tifla waqqfet il-kuntatt miegħu, liema kuntatt beda f’Jannar tal-2015 qabel ma hija għalqet it-12-il sena, li qalet lil ommha b’dak li ġara u sar ir-rapport lill-Pulizija.

Doll tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati mill-Ispettur Paula Ciantar u jekk jinstab ħati fil-ġuri Doll jista’ jeħel piena ta’ bejn erba’ u 12-il sena ħabs. Waqt it-trattazzjonijiet li saru qabel il-ġuri l-akkużat, li qed jiċħad dawn l-akkużi, ilmenta li meta l-Pulizija ħadulu stqarrija huwa ma kellux avukat ta’ fiduċja jassistih.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera laqgħetlu t-talba u ordnat li l-imsemmija stqarrija ma titressaqx bħala prova fil-ġuri meta dan jiġi appuntat.