Lokali

Vera li ser tiżdied ġurnata oħra leave fl-2021?

Il-Prim Ministru Robert Abela ma jafx x’se jkunu qed jieħdu l-ħaddiema …jew inkella irid iqarraq.

Dan b’rabta mal-wegħda taż-żieda ta’ ġurnata leave li ħabbar il-Ministru tal-Finanzi fil-Budget għas-sena d-dieħla. Wegħda li Abela stess tant ftaħar biha fir-reazzjoni tiegħu tmint ijiem wara.

Iżda l-verità hi totalment differenti minn dak li tħabbar fil-Budget. Dan hekk kif id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg, fis-sit elettroniku tiegħu, jgħid ċar u tond li fl-2021, iż-żieda fil-leave se tkun ta’ tlett ijiem … jiġifieri r-raba’ jum imwiegħed fil-Budget mhux se jkun inkluż.

Iffaċċjat b’dawn il-fatti minn NET News, il-Prim Ministru Robert Abela tħawwad għax inqabad … jew li ma kienx jaf x’se jingħataw il-ħaddiema, inkella li l-Gvern u l-Partit tiegħu riedu jqarrqu.

Iffaċċjat mill-ġdid b’dak li kiteb id-Dipartiment tal-Gvern, Abela pprova jbenġilha billi qal li l-Programm Elettorali tal-Partit Laburista se jibqa’ jkun segwit matul il-kumplament tal-leġislatura.

Mifxul kif kien, il-Prim Ministru qal li se jkun qed jiċċekja mill-ġdid x’ingħad fil-Budget u anke dak li nkiteb mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali fuq is-sit elettroniku tal-Gvern.