Futbol Sport

X’inhuma l-possibiltajiet biex Malta tkun promossa wara l-partita tal-lejla?

Inqas minn tliet sigħat ‘il bogħod u kull dilettant tal-futbol f’Malta, anke dawk li normalment ma jsegwux lit-tim nazzjonali Malti, qed jistenna bil-ħerqa l-partita tal-lejla kontra l-Gżejjer Faroe li se tintlagħab fl-iStadium Nazzjonali f’Ta’Qali bil-bibien magħluqa. Il-logħba tal-lejla tibda fid-8:45pm u Malta għandha bżonn bilfors rebħa biex nilħqu lill-istess Gżejjer Faroe fil-quċċata tal-grupp, u nittamaw li r-riżultat miksub ikun favorevoli biżżejjed għalina biex nirbħu l-promozzjoni għal Diviżjoni C tal-UEFA Nations League, liema kompetizzjoni tintlagħab bejn Ġunju u Settembru tal-2022.

Sentejn ilu konna qed niġġieldu għall-aħħar post fil-grupp

Il-partita tal-lejla bejn Malta u l-Gżejjer Faroe hija sitwazzjoni paradossali għal kif seħħew l-affarijiet sentejn ilu, fl-ewwel edizzjoni tal-UEFA Nations League. Dak in-nhar iż-żewġ pajjiżi kienu parti mill-istess grupp tal-Kosovo u l-Ażerbajġan. Il-grupp intrebaħ mill-Kosovo, iżda fl-aħħar ġurnata tal-kompetizzjoni, nhar l-20 ta’ Novembru 2018, Malta u l-Gżejjer Faroe kienu ukoll lagħbu kontra xulxin, bid-differenza li dak il-konfront kellu jiddetermina min se jispiċċa l-aħħar fil-grupp u mhux bħa din id-darba, min se jispiċċa l-ewwel fil-grupp. Fil-partita ta’ sentejn ilu, Malta temmejna dro ta’ 1-1, b’żewġ gowls li dak in-nhar kienu skorjati fl-ewwel erba’ minuti tal-partita. Wara tliet minuti, il-Gżejjer Faroe fetħu l-iskor permezz ta’ Rene
Joensen u minuta wara, Juan Corbolan ġab id-dro għall-Maltin. B’dan ir-riżultat Malta temmet l-aħħar fil-grupp.

Rebħa ta’ 3-2 ma tkunx favurina

Illejla għandha bżonn rebħa bi skor aħjar minn 3-2 tirbaħ il-grupp u tavvanza. Riżultat ta’ rebħa ta’ 1-0 jew 2-1 ikun favurina.

F’każ ta’ punti ndaqs, skont ir-regoli tal-kompetizzjoni, ir-rebbieħ jintagħżel skont dawn il-kriterji:

1. L-iskwadra li tikseb l-ikbar ammont ta’ punti mill-konfronti diretti;
2. L-iskwadra li tikseb l-aħjar differenza ta’ gowls mill-konfronti diretti;
3. L-ikbar ammont ta’ gowls favur, skurjati fil-konfronti diretti;
4. L-ikbar ammont ta’ gowls skurjati away, mill-konfronti diretti.

Kummentarju dirett bil-miktub fuq netnews.com.mt

Għall-ħabta tat-8pm, dan is-sit se jkun qed jibda xandira diretta permezz ta’ kummentarju bil-miktub mill-iStadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. Għaldaqstant segwu dan is-sit għall-aħħar aġġornamenti u rappurtaġġ estensiv li d-dipartiment sportiv ta’ Net Sports se jkun qed iwassal, l-istess kif sar fil-jiem li għaddew fl-aħħar żewġ partiti ta’ Malta.