Internazzjonali

Covid-19: Il-vaċċin ta’ Pfizer għandu ‘effettività ta’ 94 fil-mija’ fin-nies ta’ ‘il fuq minn 65 sena

 

Il-vaċċin għal kontra l-Covid-19 żviluppat minn Pfizer u BioNTech qed jidher li jipproteġi mal-94 fil-mija ta’ persuni ‘il fuq minn 65 sena mill-effetti tal-virus qattiel.

L-aħħar data mill-provi attwali ‘tat-tielet fażi’ tissuġġerixxi li l-vaċċin jiffunzjona tajjeb ukoll fil-persuni ta’ kwalunkwe età, razza u etniċità. Dan meta l-kumpaniji qalu li, issa, għandhom japplikaw għall-awtorizzazzjoni li tippermetti għal tilqim ta’ emerġenza fl-Istati Uniti.

L-iskoperti qed jibbażaw fuq żewġ dożi tal-vaċċin li ngħataw lil aktar minn 41,000 persuna madwar id-dinja.

Proprju l-ġimgħa l-oħra, Pfizer u BioNTech ippubblikaw id-data preliminarja li turi li l-vaċċin joffri 90 fil-mija ta’ protezzjoni kontra l-Covid-19 – u li mhemm l-ebda tħassib dwar ‘effetti sekondarji negattivi’ (mill-vaċċin) għan-nies li jingħataw it-tilqima.

L-aħbar pożittiva ntlaqgħet b’sodisfazzjon kbir madwar id-dinja u ftit wara ħarġet ukoll l-aħbar impressjonanti fir-rigward ta’ vaċċin ieħor – tal-kumpanija Amerikana Moderna – u li jingħad li jaffordja ‘mal-95 fil-mija protezzjoni’ kontra l-Covid-19.

L-aħħar data min-naħa ta’ Pfizer u BioNTech tissuġġerixxi li l-vaċċin għandu effettività ta’ 95 fil-mija fuq il-bażi ta’ 170 każ ‘ta’ żvilupp tal-Covid-19 fost il-voluntiera involuti fil-provi’ – u meta l-virus żviluppa biss fi tmienja fost il-grupp ta’ voluntiera li ngħataw il-vaċċin. Id-data preċedenti ibbażat fuq 94 każ tal-infezzjoni.

Il-kumpaniji involuti qed jgħidu li mhemm l-ebda tħassib serju dwar xi effetti potenzjali tal-vaċċin għas-sigurtà tal-bniedem – għalkemm kienu innutati każi ta’ uġigħ ta’ ras u għejja fost xi tnejn fil-mija tal-voluntiera li ngaħtaw il-vaċċin.

Mat-42 fil-mija tal-parteċipanti kollha fil-provi ġejjin mill-komunitajiet ta’ diversità etnika – b’41 fil-mija tal-parteċipanti jkollhom bejn is-56 u l-85 sena.

Il-provi għadhom għaddejjin u d-data fir-rigward tas-sigurtà u l-effiċjenza tal-vaċċin se tkompli tinġabar għal sentejn oħra.

Il-provi tal-vaċċin qed isiru fuq in-nies f’150 sit fl-Istati Uniti, il-Ġermanja, it-Turkija, l-Afrika t’Isfel, il-Brażil u l-Arġentina.

Dan meta l-kumpaniji mistennija jipproduċu sa 50 miljun doża tal-vaċċin din is-sena u sa 1.3 biljun doża oħra sal-aħħar tal-2021.