Internazzjonali

Covid-19: Lockdown immedjat f’South Australia u żviluppi oħra…

L-Istat ta’ South Australia daħal għal lockdown immedjat – effettiv għal sitt ijiem – wara li nstabu l-każi tal-coronavirus qalb il-komunità f’Adelaide. Il-każi, li nstabu fi tmiem il-ġimgħa, kienu l-ewwel tal-Covid-19 għal sitt xhur u meta l-istess Stat Awstraljan, s’issa, għandu 36 każ ta’ infezzjoni.

L-awtoritajiet lokali qalu li l-miżura drastika – magħrufa bħala ‘circuit breaker’ intiż biex jaqta’ it-trasmissjoni tal-marda – hi neċessarja biex jevitaw ‘mill-bidunett’ li l-virus jinfirex għal aktar residenti.

L-Awstralja, fil-passat, irreaġiet b’mod aggressiv għall-inċidenzi tal-coronavirus fit-territorji tagħha. Dan waqt perjodi fejn il-Gvernijiet tad-diversi Stati Awstraljani għalqu s-setturi relatati mal-ekonomija waqt li infurzaw ir-restrizzjonijiet mal-fruntieri biex jikkontrollaw iċ-ċirkulazzjoni tal-virus.

Il-lockdown f’South Australia qed isir ġimgħat biss wara li l-Istat Awstraljan ta’ Victoria irnexxielu jrażżan tieni mewġa tal-coronavirus li rriżultat fi 800 mewta.

Fir-Renju Unit, il-Ministri tal-Gvern qed jevalwaw strateġiji li jistgħu jnaqqsu mir-restrizzjonijiet riġidi dovuti għall-coronavirus u bil-għan li l-familji jkunu jistgħu jiċċelebraw il-Milied flimkien. L-erba’ Stati tar-Renju Unit – l-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq – qed jippruvaw ifasslu ‘politika komuni għal żmien il-Milied’ bil-għan li l-familji mifruxin madwar il-pajjiż ikunu jistgħu jiltaqgħu xorta waqt il-btajjel.

Fi Franza, il-Ministru tas-Saħħa Jerome Salomon qal li l-ammont ta’ nies li qed ibatu bid-dipressjoni minħabba l-coronavirus irdoppja fil-pajjiż bejn l-aħħar ta’ Settembru u dan ix-xahar. Hu irrefera partikularment għan-nies li qed ibatu bi problemi finanzjarji u problemi psikoloġiċi minħabba l-effetti tal-virus. Il-Ministru ħeġġeġ biex in-nies iżommu l-kuntatt mal-qraba u l-ħbieb ‘u biex ma jsegwux l-aħbarijiet daqshekk bir-reqqa’.

Għalkemm l-Amerikani, fl-aħħar jiem, kienu qed jikkonċentraw fuq l-elezzjoni Presidenzjali ta’ pajjiżhom, il-pandemija tal-Covid-19 kompliet taqleb għall-agħar fl-Istati Uniti. Dan meta l-ammont tal-infezzjonijiet fl-Istati Uniti laħaq livelli ġodda ‘storiċi’ fl-aħħar jiem – fejn il-każi anki qabżu l-160,000 għal ġurnata waħda.

It-tabib Anthony Fauci – l-espert Amerikan ewlieni dwar il-mard li jittieħed – wissa li l-pajjiż qed jiffaċċja ‘sfida kbira u sitwazzjoni mill-aktar inkwetanti’ meta dieħel sew l-istaġun tax-xitwa.

Fil-Ġappun, kienu rappurtati mal-500 każ ġdid tal-coronavirus fil-belt kapitali Tokjo, li jirriflettu l-ogħla qabża ta’ każi għal jum wieħed mill-bidu tal-pandemija. Ir-rekord preċedenti għal jum wieħed (472) kien irreġistrat fl-ewwel jum ta’ Awwissu waqt mewġa ta’ infezzjonijiet matul is-sajf. Il-Gvern f’Tokjo, intant, ma kkonfermax rapporti li l-kapitali għandha tirritorna dalwaqt għall-ogħla livell ta’ allert (4) b’kaġun tal-Covid-19.